Lokali Parlament

Robert Abela kellu jqabbad kumpanija barranija biex tagħmillu ‘viżjoni’ għal Malta


Il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament ammetta d-diversi problemi li ħoloq il-mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwantità fosthom fis-settur tax-xogħol, fis-saħħa, fin-nuqqas ta’ investiment ġdid u fil-kwalità tal-ħajja u sostna li l-Gvern kellu jqabbad kumpanija barranija biex tagħmillu ‘viżjoni’ għal Malta.

Meta kien qed jitkellem fid-diskors tiegħu dwar il-budget, il-Prim Ministru qal li l-pajjiż illum għeleb il-problema tal-immigrazzjoni minkejja n-numru ta’ persuni li għadhom jitilqu mil-Libja. Dwar l-ekonomija hu qal li mill-2013 l-ekonomija ħolqot ġid iktar mid-doppju u sostna li l-gvern qed jinċentiva l-investituri jkomplu jinvestu fil-pajjiż. Issa l-pajjiż għandu jmur fil-kapitlu li jmiss; il-kwalità li tixtieq in-nies. Hu qal li 11-il sena ilu ma kinux jiġu investituri barranin f’Malta iżda issa l-gvern għandu investituri biżżejjed.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern qed jgħid lill-investituri biex joħolqu impjiegi ta’ kwalità u kompla li l-istess jgħodd għat-turiżmu. In-numru dejjem kienu l-kejl, iżda issa l-pajjiż irid iħares lejn il-kwalità, qal il-Prim Ministru, li qal li issa l-enfasi m’għadhiex tkun li jinġiebu iktar turisti iżda x’saħħa għandu t-turist. It-turiżmu ħalla €3 biljun fis-sena, sostna Robert Abela, li qal li l-gvern se jagħmel policies ġodda fil-livell ta’ lukandi u postijiet ta’ akkomodazzjoni partikolarment l-appartamenti.

Robert Abela qal li l-ħiliet tal-ħaddiema huma importanti u ħabbar li l-gvern se jniedi policy ġdida dwar it-turiżmu. Hu qal li għandu jiġi mistieden biss biex jaħdem f’Malta lil dawk li hemm bżonn. Il-gvern se jniedi policy dwar is-settur tax-xogħol, sostna Robert Abea, li qal li fil-pajjiż hawn nuqqas ta’ ħaddiema iżda l-poplu jrid kontroll fuq in-numru ta’ ħaddiema barranin. Hu qal li l-gvern se jkun iebsa ma’ min jabbuża mill-ħaddiema barranin u sostna li skopra sitwazzjoni fejn il-ħaddiema barranin jinbidlu kull ġimgħa.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern ta €1 biljun f’sussidji fuq l-enerġija u sostna li l-inflazzjoni tinsab f’rata baxxa. Hu sostna li l-ekonomija qed taħdem tajjeb u dar fuq il-Ministru tal-Finanzi u qallu “Aħleb Clyde!” Robert Abela qal li l-gvern qed jinvesti fil-ħiliet u fl-edukazzjoni fl-università u fl-MCAST, u appella liż-żgħażagħ biex jirbħu l-fuur flimkien. Il-Prim Ministru qal li 33,000 impjegat tas-settur pubbliku se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid li se jiswa €1,200 miljun b’mod kollettiv.

Robert Abela qal li l-gvern irid konverġenza u qbil dwar it-trasport u qal li l-Oppożizzjoni għandha tagħti proposti. Il-gvern se juża mezzi ta’ intelliġenza artifiċjali fit-traffiku u se jintużaw id-drones, qal il-Prim Ministru, li kompla li l-gvern qed jinvesti fis-saħħa, iżda ammetta li hemm realtà ta’ waiting lists. Il-Prim Ministru qal li l-gvern solva ħafna problemi fis-saħħa inkluż li wettaq investiment fis-saħħa mentali.

Robert Abela qal li f’Għawdex qed jitlesta l-ikbar investiment fl-isport u investa f’budget rekord. Hu sostna li se jiżdied vapur ieħor mal-flotta tal-Gozo Channel. Il-gvern, sostna l-Prim Ministru, jinsab iffukat fuq l-investiment barrani u se jwassal viżjoni proattiva għal Malta sal-2050.

Robert Abela temm billi qal li l-poplu Malti kellu l-ħolma ta’ Mintoff għall-futur tal-pajjiż.