Internazzjonali

Stati Uniti Elezzjonijiet 2024: X’impatt jista’ jkollha r-rebħa ta’ Trump għall-UE?

Il-Mexxejja tal-Ewropa setgħu ma kenux lesti għal rebħa elettorali storika ‘oħra’ għal Donald Trump, li kien diġà mexxa lill-Istati Uniti bejn l-2016 u l-2020. Dan ukoll wara li fl-aħħar snin l-isem ta’ Trump issemma kemm-il darba b’konnessjoni ma’ diversi proċessi tal-qorti wara li hu kien tilef l-Elezzjoni Presidenzjali kontra d-Demokratiku Joe Biden.

Sadanittant, il-fatt li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen; u l-mexxejja ewlenin l-oħra tal-Unjoni Ewropea mal-ewwel (fl-aħħar sigħat) stqarrew ix-xewqa li jkattru r-relazzjonijiet ma’ Washington, hu partikularment sinifikanti.

Dan minħabba li l-Istati Uniti qed tiffaċċja diġà mewġa ta’ bidliet minn kull aspett u liema bidliet se jħallu wkoll il-konsegwenzi għall-kontinenti kollha tad-dinja – u speċifikament l-Ewropa.

Fil-fatt, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti dejjem kienu ta’ importanza kbira u meta Washington ilu miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija bħala l-aktar Alleat b’saħħtu tal-Istati Ewropej – kemm f’termini ekonomiċi kif ukoll minn aspetti ta’ sigurtà.

Fil-fatt, ftit wara r-rebħa elettorali ta’ Trump, Von der Leyen u diversi mexxejja tal-Istati Ewropej – huma u jwasslulu l-messaġġi ta’ kongratulazzjoni – ma naqsux milli jirreferu r-rabtiet strateġiċi tal-Ewropa mal-Istati Uniti.

Huma irreferew ukoll għall-partnerships u proġetti ta’ sħubija komuni storiċi fuq livell transatlantiku; irrispettivament minn kemm tista’ tvarja l-viżjoni politika tal-Ewropa mill-viżjoni ta’ Washington.

Fl-istess ħin, ħafna mill-Mexxejja Ewropej għandhom ukoll f’moħħhom li Donald Trump qatt ma kien entużjażmat bin-NATO, l-Alleanza tal-Punent li twaqqfet wara t-Tieni Gwerra biex taċċerta l-paċi u s-sigurtà u li għandha lill-Istati Uniti bħala l-akbar kontributur ta’ finanzi u truppi.

Wieħed issa jrid jara x’politika se jadotta Trump fil-konfront tal-Alleanza meta l-Istati Uniti, din is-sena, impenjat kważi 1.33 miljun truppi għall-missjonijiet u l-esiġenzi tan-NATO.

Imbagħad, numru ta’ Stati Ewropej jistgħu anki qegħdin jinkwetaw dwar it-theddida ta’ Trump biex jimponi t-tariffi ‘ta’ protezzjoni’ – ekwivalenti għal 20 fil-mija – fuq l-importazzjonijiet mill-Ewropa.