Fis-6 ta’ Novembru, delegazzjoni Maltija mmexxija mid-Deputat Speaker David Agius li tikkonsisti mid-Deputat Whip tal-Gvern Davinia Sammut Hili u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, attendiet iċ-ċerimonja tal-ftuħ tas-67 Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth li qed ssir f’Sydney, l-Awstralja, taħt it-tema “Engage, Empower, Sustain: Charting the Course for Resilient Democracy”.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata minn Margaret Beazley, Gvernatur ta’ New South Wales, Chris Minns, Premier ta’ New South Wales flimkien ma’ Greg Piper, l-Ispeaker tal-Assemblea Leġiżlattiva ta’ New South Wales u Ben Franklin, il-President tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth.
Matul iċ-ċerimonja tal-ftuħ, id-delegazzjoni ltaqgħet ukoll mal-Konslu Ġenerali tar-Repubblika ta’ Malta f’Sydney, Lawrence Buhagiar.
Id-delegazzjoni Maltija pparteċipat f’numru ta’ workshops dwar il-vjolenza u l-abbuż kontra l-membri parlamentari fil-Commonwealth, dwar it-traffikar tal-bnedmin, ir-refuġjati u l-immigrazzjoni, kif ukoll dwar leġiżlazzjoni diskriminatorja u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru.
Il-membri tad-delegazzjoni kellhom ukoll laqgħet bilaterali ma’ kandidanti għall-kariga ta’ Chairperson tal-Assemblea Parlamentari tal-Commonwealth.
//= $special ?>