Lokali

Wara li ħela sena u nofs, il-Gvern issa daħħal fil-Budget il-miżura tal-PN dwar il-ħela tal-ikel

Il-PN ressaq abbozz f’Mejju tal-2023 u l-Gvern ħallieh fuq l-ixkaffa; il-Labour ipprefera jaħli l-ikel u jżid l-iskart milli jimplimenta idea tal-PN

Il-Gvern Laburista la jimpurtah minn min hu l-aktar vulnerabbli u wisq inqas jimpurtah mill-ambjent. Kieku dan il-Gvern għandu kuxjenza soċjali u ambjentali, kien jara kif jagħmel u jiddiskuti u jadotta kemm jista’ jkun malajr l-abbozz li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament madwar sena u nofs ilu dwar miżuri biex jitnaqqsu l-ħela tal-ikel u l-ġenerazzjoni ta’ skart.

Minflok, l-ewwel għażel li jħalli l-abbozz fuq l-ixkaffa biex issa daħħal din il-miżura baxx baxx fil-Budget li għadu kemm ħabbar.

F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u x-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, spjegaw kif f’Mejju tal-2023, il-Partit Nazzjonalista kien proattiv u ppreżenta abbozz biex titnaqqas il-ħela billi ikel li ma jkunx se jintuża jingħata lil min hu fil-bżonn u fl-istess waqt ikun qed jitnaqqas anke l-iskart iġġenerat minn ikel moħli. Sfortunatament, dan il-Gvern injora dan l-abbozz sakemm imbagħad deffsu fil-Budget.

Minflok ma l-Gvern irrikonoxxa li dan l-abbozz kien tajjeb u ddiskutieh bla dewmien żejjed, għażel li jaħli sena u nofs b’detriment għal madwar 20% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Dan waqt li fl-istess ħin tellef opportunità lill-industrija agrikola ta’ pajjiżna sabiex prodotti agrikoli li jidħlu fil-pitkalija u ma jinbigħux għax ikunu jeċċedu d-domanda staġjonali, minflok jintremew, jiġu utilizzati minn min hu fil-bżonn u minn għaqdiet li jgħinuhom, b’opportunità għas-settur agrikolu li jirkupra ftit mid-diffikultajiet finanzjarji li jinsab fihom.

Però, dan hu Gvern li jippreferi jimpika mal-Oppożizzjoni minflok jikkopera magħha biex jgħin kemm lil dawk li l-aktar jinsabu fil-bżonn kif ukoll lis-settur agrikolu lokali.

B’dak li għamel b’dan l-abbozz, il-Gvern qed jammetti li hu gvern bla viżjoni u nieqes mill-ideat f’diversi oqsma minbarra li ma jħossx il-polz tal-vulnerabbli, il-fqir u dawk fil-bżonn. Għandna Gvern li wara li jikkritika lill-Partit Nazzjonalista għal kull ħaġa ta’ xejn, finalment jispiċċa jimplimenta l-proposti li jipproponi l-PN mill-Oppożizzjoni.

Kieku l-Gvern hu umli biżżejjed u jadotta aktar ideat mill-Partit Nazzjonalista, kieku konna naraw budget li jsolvi l-problemi u mhux budget li ħalliena bl-istess uġigħ ta’ ras li kellna lejlietu.

Aktar minn hekk, il-Gvern suppost Soċjalista qed jinkixef dejjem aktar li tilef għal kollox ir-ruħ soċjali tiegħu u huwa maqtugħ mir-realtajiet tan-nies.

Għandna Gvern li la jimpurtah mill-ġid komuni u wisq inqas minn min jaħdem favurih. Għandna Gvern li l-uniku interess li għandu hu li l-politika Maltija jżommha antikwata u parrokkjali. Il-Partit Nazzjonalista ma jemminx f’din it-tip ta’ politika skaduta iżda jemmen li jekk hemm proposti li jtejbu l-ħajjiet tan-nies u fl-istess ħin jgħinu industriji lokali, bħal dak agrikola, il-PN jipproponihom u jressaqhom ’il quddiem u mhux iżommhom fuq l-ixkaffa kif iħobb jagħmel dan il-Gvern.

Għalkemm fil-politika mhux dejjem tista’ taqbel f’kollox, li l-Gvern jinjora l-bażiku hu xhieda ta’ gvern bla ruħ.

Din hi politika xiħa li Malta Żagħżugħa ma tixirqilhiex.