Il-mara tal-Ministru Clayton Bartolo baqgħet isservi bħala assistenta personali tiegħu meta suppost kienet impjegata mal-Ministeru ta’ Clint Camilleri. Fl-emails tagħha, m’hemm ebda ħjiel ta’ minuti jew dokumenti li ħadmet fuqhom. U x-xogħol li tħallset għalih ma għamlitux. Tant li l-Ministru Camilleri kien qed jippermettilha ma tattendix għax-xogħol fil-Ministeru tiegħu.
Dawn huma l-konklużjonijiet iebsin li joħroġu mir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards li huma kundanna ċara u bla riservi lejn il-Ministri ta’ Robert Abela, li wettqu abbuż ta’ poter.
Bil-mara tal-Ministru Clayton Bartolo kienet qed iddaħħal fil-but paga ta’ kważi €70,000 fis-sena għal xogħol li qatt ma għamlet.
Dan il-każ beda fi Frar 2022. Ftit xhur qabel l-elezzjoni.
Il-Professur Cassola jagħmel ilment mal-Kummissarju tal-Istandards minħabba allegat nepotiżmu li fih Amanda Muscat gawdiet minn favoritiżmu… tant li t-tfajla ta’ Clayton Bartolo ddaħlet mal-Ministru Clint Camilleri fil-Ministeru għal Għawdex bħala “konsulent”.
Novembru 2020.
Ir-rapport ifakkar kif kien Clayton Bartolo nnifsu li daħħal lill-partner tiegħu bħala segretarja privata. Dan fiż-żmien meta hu kien għadu Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji.
Imbagħad, fiż-żmien meta sar Ministru tat-Turiżmu, il-mara ta’ Clayton Bartolo tpoġġiet policy consultant – għalkemm hi stess stqarret mal-Kummissarju li r-rwol tagħha “baqa’ l-istess”. Tant li baqgħet tagħmel xogħol ta’ kordinazzjoni, u mhux konsulenza.
April 2021.
Mill-Ministeru għal Għawdex ċemplu lil Amanda Muscat biex hi tidħol magħhom – job bħala konsulent.
Ma tantx damet. Għax sa Diċembru ta’ dik is-sena spiċċat mill-kariga li suppost kellha mal-Ministru Clint Camilleri.
Ir-rapport jikxef kif Amanda Muscat ma ħadmitx mal-Ministeru għal Għawdex. Lanqas iż-żewġ Ministri ma ressqu evidenza li hi għamlet xogħol ta’ konsulent.
Il-Kummissarju jgħid ukoll li huwa inkonċepibbli li persuna daqstant viċin ta’ Ministru ma tintgħażilx minn Ministru; kif fil-fatt provaw jalludu Clayton Bartolo u Clint Camilleri. Jiddikjara wkoll li l-Ministri kienu direttament involuti f’dan l-iskandlu minn flus il-poplu.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissarju tal-Istandards jgħid li f’dan il-każ iż-żewġ Ministri kisru l-etika u l-istandards fil-ħajja pubblika.
//= $special ?>