Lokali Parlament

FRODI MINN FLUS IL-POPLU: “Neżiġu li jirriżenjaw jew jitkeċċew”

Clayton Bartolo qed jindika b'mod ċar li se jżomm postu fil-Kabinett

B’żewġ ‘A’ Levels u Diploma, il-mara tal-Ministru Calyton Bartolo ngħatat mhux biss job mal-Gvern bħala konsulenta… imma job li qatt ma għamlet. Simili għall-job li kienet ingħatat Rosianne Cutajar mal-ITS.

Mhux ta’ b’xejn li l-Kap tal-PN Bernard Grech iddeskriva dan l-iskandlu bħala frodi sfaċċat minn żewġ Ministri li suppost qed jirrappreżentaw lill-poplu.

Bernard Grech insista li l-poplu qed jistenna azzjoni, mhux paroli biss. U allura… Robert Abela għandu jieħu azzjoni immedjata dwar dan l-abbuż tal-Ministri tiegħu. Bil-Kap tal-PN jgħid li jekk ma jirriżenjawx minn jeddhom, għandu jkeċċihom.

Id-deċiżjoni li jkun ippubblikat dan ir-rapport dwar il-mara tal-Ministru Clayton Bartolo ngħatat waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Istandards. Imbagħad, aktar tard, il-PN sejjaħ lill-ġurnalisti biex jispjega kemm kienet gravi din il-frodi, kif spjegat id-deputat Claudette Buttigieg.

Id-deputat Mario de Marco fakkar kif dan kien każ ta’ abbuż ta’ poter., bil-Kummissarju jsib liż-żewġ Ministri responsabbli li kisru l-Kodiċi tal-Etika.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet imsejħa fil-bini tal-Parlament, id-deputat Nazzjonalista Alex Borg saħaq li dan hu rapport xokkanti li jikkonferma frodi minn fondi pubbliċi.

Il-PN fakkar ukoll li l-mara tal-Ministru Clayton Bartolo ngħatat job ta’ konsulent mingħajr ma kellha kwalifiċi – job li tħallas mit-taxxi tal-poplu.

Iżda l-Ministru… ftit wara li ħareġ ir-rapport, kompla jipprova jiġġustifika l-imġiba tiegħu. U filwaqt li qal li qed jiskuża ruħu, insista li se jżomm postu bħala Ministru responsabbli mit-Turiżmu.