Lokali Qorti

25 sena ħabs wara li nstab ħati tal-attentat ta’ qtil fuq l-eks mara tiegħu

Ir-raġel mixli bl-attentat ta’ qtil tal-eks mara tiegħu ġie kundannat 25 sena ħabs. Wara li l-ġurati daħlu jiddeliberaw kmieni waranofsinhar, wara l-5pm huma sabu lir-raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara ħati ta’ attentat ta’ qtil tal-eks mara tiegħu permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina fid-dar ta’ ommha, li kkaġunalha biża’ u li uża’ arma waqt id-delitt. Għal dawn l-akkużi huwa nstab ħati 8-1.

Huwa nstab ħati wkoll b’disa’ voti għal xejn ta’ inġurji u theddid, ħati wkoll ta’ ksur ta’ bail u ksur ta’ garanzija u ma nsabx ħati ta’ offiża gravi ta’ omm il-vittma. Is-sentenza ngħata5 mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li quddiemha nstema’ l-ġuri li beda nhar it-Tnejn.

Il-ġuri ntemm l-Erbgħa, bix-xhieda kommoventi tal-vittma hekk kif wara d-difiża ppreżentat il-każ tagħha lill-ġurati bil-prosekuzzjoni tagħmel ir-replika, u bl-aħħar kelma tkun dik tad-difiża. Wara l-Imħallef Scerri Herrera spjegat lill-ġurati kif taħdem is-sistema legali f’ġuri fejn kompliet bl-indirizz tagħha l-Ħamis filgħodu qabel ma bagħtithom jiddeliberaw.

Fuq ordni tal-Imħallef, isem ir-raġel u l-vittma mhux qed jixxandru minħabba l-ulied komuni, li anke huma ma jistgħux jiġu identifikati. L-akkużat kien qed iwieġeb mhux ħati li 13-il sena ilu ta sitt daqqiet ta’ sikkina lill-eks mara tiegħu u kkawża wkoll ġrieħi ħfief lil ommha, meta ħaditlu s-sikkina minn idu sabiex tipproteġi lil bintha.

Waqt is-smigħ tax-xhieda, it-tifla l-kbira tal-akkużat, li llum għandha 37 sena, bħal ommha xehdet li missierha kellu problema kbira ta’ xorb u użura, u kien jinfexx fiha u f’ommha. Qalet li heddidha diversi drabi li se joqtolha, fosthom erbat ijiem qabel l-allegat reat meta fi stabbiliment f’Paceville heddidha li ser jitfagħha mill-gallarija għal isfel tal-istess stabbiliment.

It-tifla ż-żgħira tal-akkużat u l-vittma ddeċidiet li ma tixhidx kontra missierha kif kellha dritt tagħmel skont il-liġi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kenneth Camilleri u Kaylie Bonett f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deher l-Avukat Josephine Mifsud Farrugia waqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Alexandra Mamo, dehret għall-familjar tal-vittma.