Il-Ġermanja qed tiffaċċja kriżi politika wara l-kroll tal-Koalizzjoni fil-Gvern…Żvilupp li kien ikkonfermat wara li l-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Schoz, keċċa lill-Ministru tal-Finanzi, Christian Linder, fost stqarrija li hu għandu jsejjaħ vot ta’ fiduċja fil-Gvern matul il-bidu tas-sena d-dieħla.
Scholz qal li ma kellux fiduċja f’Lindner li jmexxi lill-Partit tad-Demokratiċi Ħielsa (FDP) li jibbaża l-politika tiegħu fuq il-kummerċ. Il-partit kien qed jifforma parti mill-Koalizzjoni flimkien mas-Soċjal Demokratiċi ta’ Scholz u l-Partit tal-Ħodor.
Il-kriżi fil-Koalizzjoni tfisser anki kaos politiku għall-Ġermanja bħala l-akbar ekonomija fl-Unjoni Ewropea. Dan wara li r-rebħa elettorali ta’ Donald Trump fl-Istati Uniti żiedet l-inċertezza dwar l-ekonomija u s-sigurtà tal-kontinent Ewropew.
Il-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, sejjaħ biex il-partiti ewlenin juru sens komun waqt li qal li dan mhux iż-żmien għal tilwim iżda biex l-entitajiet fil-Koalizzjoni jingħaqdu f’impenn li tirrifletti sens ta’ raġuni u responsabbiltà,
Il-Koalizzjoni kienet ilha tiggverna lill-Ġermanja mill-2021 u l-kroll, issa, ifisser li l-Gvern ta’ Olad Scholz mgħadux igawdi maġġoranza fil-Parlament. Dan meta vot ta’ fiduċja kapaċi jwassal għall-elezzjonijiet nazzjonali bikrija sa Marzu – bl-Oppożizzjoni qed tinsisti biex il-vot isir il-ġimgħa d-dieħla u mhux fl-2025.
Steinmeiner qal ukoll li jinsab lest biex ixolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjonijiet ġodda f’sitwazzjoni fejn il-vot kruċjali tiżvolġi f’disfatta għall-Kanċiller Scholz.
It-tensjoni fil-Koalizzjoni kienet ilha tinħass u din żbruffat sew matul il-lejl tal-Erbgħa fost tilwim dwar il-baġit nazzjonali għall-2025. Fattur ieħor probabbli hu li l-Ġermanja qed tiffaċċja t-tieni sena mingħajr ma rreġistrat xi żvilupp ekonomiku.
Il-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin Annalena Baerbock (tal-Partit tal-Ħodor) qalet li dan mhux żmien tajjeb għal pajjiżha u għall-Ewropa – bil-Kanċillier Scholz jakkuża lil Christian Linder talli ‘qarraq bih’ u qiegħed l-interessi tal-partit tiegħu qabel l-interess nazzjonali.
Intant, Lindner akkuża lil Scholz talli ‘daħħal lill-Ġermanja f’fażi ta’ inċertezza’ – bi tnejn fost il-kollegi tiegħu wkoll jirriżenjaw mill-Kabinett. Membru ieħor tal-LDP, Volker Wissing, qal li hu deċieda biex ikompli bħala Ministru tat-Trasport iżda għamilha ċara li hu kien qed jirriżenja mill-partit tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Partit CDU konservattiv (il-favorit li jmexxi l-Gvern li jmiss) wissa li l-Ġermanja żgur ma taffordjax li tibqa’ix-xhur mingħajr Gvern ta’ maġġoranza.
//= $special ?>