Fl-eqqel tad-dibattitu dwar il-budget, il-Labour reġa’ nqabad jigdeb. U wara l-gidba tal-Prim Ministru dwar il-propaganda tal-Gvern u l-ispots politiċi, issa l-Partit Laburista nqabad ixerred fake news dwar il-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, it-Times of Malta wettqet fact-check dwar dak li l-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri ppreżentaw f’konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tnejn waranofsinhar; liema fact-check sab li dawn gidbu fi kliemhom.
Dakinhar, il-Ministri ta’ Abela qalu li l-pajjiż taħt tmexxija Nazzjonalista kellha l-agħar rata ta’ qgħad fl-Ewropa u l-ogħla defiċit fiskali. Iżda l-fact-check wera bl-iktar mod ċar li dan mhux minnu, u li din hija informazzjoni falza.
Il-verità hi… li l-Partit Nazzjonalista ħalla sitwazzjoni pjuttost sodisfaċenti sabiex gvernijiet ta’ wara jkomplu jibnu fuq it-tajjeb li sar. Tant li t-Times sabet li r-rata ta’ qgħad kienet bdiet nieżla sew grazzi għall-ippjanar fit-tul ta’ gvernijiet Nazzjonalisti.
Fuq kollox, l-istess Times tikkonferma li mhux veru li l-qgħad kien l-agħar fl-Ewropa. U li din hi biss fake news li ħoloq il-Labour. Fil-fatt, statistika tal-Unjoni Ewropea stess turi li meta l-Labour ħa l-poter ta’ Kastilja f’Marzu tal-2013 sab li r-rata ta’ qgħad kienet ta’ 5.8% – rata li t-Times iddeskrivietha bħala l-għira ta’ pajjiżi oħra Ewropej hekk kif kienet waħda pjuttost baxxa; bil-Ġermanja u l-Lussemburgu biss li kellhom ir-rata kemxejn aktar baxxa.
L-istess ċifri juru li din ir-rata tant inżammet baxxa minn Gvern Nazzjonalista li pajjiżna qatt ma wasal biex qabeż il-medja ta’ pajjiżi Ewropej.
//= $special ?>