Mill-Ġimgħa 15 sal-Ħadd 17 ta’ Novembru, Teatru Manoel se jkun qed itella’ t-traġedja tal-Greċja tal-Qedem, Medea, fil-verżjoni ta’ Ben Power, taħt id-direzzjoni ta’ Bettina Paris.
F’dan ix-xahar ta’ Novembru, Teatru Manoel jippreżenta l-produzzjoni tiegħu ta’ Ewropide, Medea, fil-verżjoni ta’ Ben Power, taħt id-direzzjoni ta’ Bettina Paris. Jieħdu sehem Becky Camilleri fir-rwol ewlieni, Nathan Brimmer bħala Jason u Mikhail Basmadjian bħala Kreon, flimkien ma’ atturi oħra ta’ stoffa.
Probabbli, Medea hija l-iktar eroina Griega traġika u disturbanti. L-istorja kienet miktuba l-ewwel darba mid-drammaturgu tal-Greċja tal-Qedem kważi 2,500 sena ilu. Il-verżjoni ta’ Ben Power – li dehret l-ewwel darba fit-Teatru Nazzjonali ta’ Londra 10 snin ilu – tpinġi lil Medea minn mara kattiva, mimlija rabja, kif inhi deskritta fir-rwol tradizzjonali, għal mara li taqbad ir-riedni ta’ ħajjitha f’idejha, wara li tiġi traduta minn raġel li hi kienet tgħożż.
Din il-produzzjoni tat-Teatru Manoel se tqarreb dan id-dramm lejn il-kuntest lokali. Ir-rappreżentazzjoni se tkun iktar relatabbli mal-udjenzi Maltin hekk kif se tindaga f’temi lokali bħalma huma l-komunità, il-familja, it-tradiment u r-retribuzzjoni.
F’Medea se jieħdu sehem uħud mill-aqwa atturi li għandna f’pajjiżna, fosthom Sandie von Brockdorff, Philip Leone Ganado, Alex Weenink, Ann-Marie Buckle, Victor Debono, Myron Ellul, Chantelle Micallef Grimaud u Simone Spiteri. L-atturi ċkejknin Andre Theuma u Matthias Zarb se jagħmlu r-rwol ta’ wlied Medea u Jason.
Fit-tim kreattiv insibu wkoll ismijiet li m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni f’dan il-qasam, id-disinn oriġinali tal-ħoss huwa f’idejn Matteo Depares, il-moviment f’idejn Sandra Mifsud, Michela Manduca qed tieħu ħsieb il-kostumi, is-sett f’idejn Adrian Mamo u d-dawl f’idejn Dali Aguerbi.
F’din ir-rappreżentazzjoni ta’ Medea hemm element qawwi ta’ moviment, li jesebixxi l-kumplessitajiet tal-karattru, li jżid mad-dettall tax-xogħol li qed jittella’ mill-kast u mill-chorus. Minkejja dan, Medea tat-Teatru Manoel tippreżenta dinja familjari, fejn naraw lilna nfusna u lill-komunità tagħna f’dan ix-xogħol. L-istorja ta’ Medea tibbrilla bħala waħda li mhijiex daqshekk ’il bogħod mill-istorja tagħna stess.
Ir-rappreżentazzjonijiet ta’ Medea se jittellgħu fit-Teatru Manoel mill-Ġimgħa 15 sal-Ħadd 17 ta’ Novembru, jibdew fit-8pm u jdumu siegħa u nofs. L-età għad-dħul hija ta’ 14-il sena ’l fuq.
//= $special ?>