Lokali Qorti

Ipprova jirrekluta nies vulnerabbli biex iwettqu attakki terroristiċi

Raġel li jgħix il-Ħamrun ipprova jirrekluta “nies vulnerabbli” madwar l-Ewropa biex iwettqu attakki terroristiċi. Mouhamadou Dosso ta’ 32 sena, li għandu karta tal-identità Taljana, jinsab akkużat li xerred materjal estremista u li pprova jirrekluta nies fl-Ewropa biex iwettqu attakki terroristiċi.

Mohammed Shurrab, Spettur fit-taqsima tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, qal fil-Qorti li ħames mowbajls ittieħdu mill-pusses ta’ Dosso waqt rejd fil-Ħamrun fil-31 ta’ Ottubru. Il-Pulizija l-ewwel irċeviet informazzjoni dwar profil ta’ Facebook li jxerred materjal estremista f’April.

Dosso tpoġġa taħt sorveljanza ladarba l-investigaturi stabbilixxew li kien wara l-profil. Diversi persuni fuq Facebook messenger li nstabu fuq il-mowbajl ta’ Dosso, intużaw allegatament biex jirreklutaw nies fit-terroriżmu.

L-Ispettur qal li l-akkużat ħeġġeġ lil “nies vulnerabbli” madwar l-Ewropa biex iwettqu attakki terroristiċi. Shurrab qal li l-investigazzjonijiet ta’ sors indikaw li n-nies li qed jiġu reklutati kienu persuni li jfittxu l-ażil li kienu jgħixu waħedhom u li kienu telqu minn pajjiżi mifnija bil-gwerra.

Huwa kkomunika magħhom permezz ta’ Facebook. F’messaġġ wieħed li nqara fil-Qorti, Dosso qal lil individwu bla isem li kien se jsib postu l-ġenna jekk iwettaq attakk suwiċida. “Qed nirreklutaw voluntiera għall-jihad. Jekk tmut f’din il-ġlieda tmur il-ġenna,” jgħid il-messaġġ.

Fuq il-mowbajls tiegħu nstab aktar materjal “kontra l-Punent”, inklużi ritratti ta’ bnadar Amerikani, Franċiżi u Iżraeljani “maqtugħin”. Kien hemm ukoll ħafna ritratti marbuta mal-grupp terroristiku ISIS, u diversi diskorsi minn mexxejja tal-ISIS li jfittxu li jirradikalizzaw in-nies, qal l-Ispettur.

Instabu wkoll ritratti ta’ splussivi kif ukoll ritratt ta’ wieħed mit-terroristi li wettaq l-attakki tal-11 ta’ Settembru fl-Amerika.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech iddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex tinħareġ att ta’ akkuża kontra l-akkużat.

Il-każ ikompli fit-18 ta’ Diċembru.