Lokali

Kunċert Vokali u Strumentali mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta b’risq Id-Dar tal-Providenza

Kull sena d-Dar tal-Providenza torganizza kunċert marbut mal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabbiltà li jiġi ċċelebrat fit-3 ta’ Diċembru. Dan se jsir nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2024, fis-7.30pm, fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M., fiż-Żejtun.

Fil-kunċert, li se jsir taħt il-patroċinju distint tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, tieħu sehem il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt id-direzzjoni tas-Surmast u Direttur Mużikali tagħha, il-Maġġur Jonathan Borg. Il-programm jinkludi xogħlijiet ta’ Puccini, Hansen, Schubert, Vivaldi, Morricone, De Haan, Lloyd Weber, Innocenzi u Swearingen. Ma jonqsux siltiet minn kompożituri Maltin Tano Monseigneur, Ssgt Gilbert Camilleri u Ray Magri.

Matul is-serata jitħabbar ukoll ir-rebbieħ tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena. Premju li jingħata bħala għarfien tal‑kontribut mogħti lid‑Dar tal‑Providenza minn persuni jew oganizzazzjonijiet li jaħdmu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabbiltà.

Id‑dħul huwa b’xejn u min hu interessat jista’ jibbukkja s‑seats billi jirreġistra mar‑reception desk tad‑Dar tal‑Providenza b’telefonata fuq 21462844 – 21464915 jew b’email fuq: info@dartalprovidenza.org sa mhux aktar mill‑Ġimgħa, 15 ta’ Novembru 2024.