Lokali Unjoni Ewropea

“L-Ewropa trid tfassal il-futur tagħha” – Roberta Metsola

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dan huwa mument ideali biex il-pajjiżi Ewropej jaħdmu eqreb flimkien favur aktar sigurtà, dwar il-migrazzjoni, l-Ukrajna, u fuq l-awtonomija strateġika. “L-Ewropa trid tfassal il-futur tagħha stess,” qalet il-President Metsola waqt li kienet qed tipparteċipa fis-Summit tal-Komunità Politika Ewropea, hekk kif il-mexxejja ta’ stati Ewropej qed jiltaqgħu fil-kapitali Ungeriża, Budapest.

Dwar ir-riżultat elettorali fl-Istati Uniti, il-President Metsola awgurat lil Donald Trump għar-rebħa li kiseb. Żiedet tgħid li l-Ewropa m’għandhiex tkun reattiva, u qalet li spiċċa ż-żmien li nkunu dipendenti fuq ħaddieħor, u enfasizzat il-ħtieġa li l-Ewropa jkollha awtonomija strateġika.

Hija qalet li l-Ewropa hi lesta biex tagħmel il-parti tagħha ħalli żżomm ir-rabta b’saħħitha li għandha mal-Istati Uniti, ibbażata fuq il-valuri tal-libertà, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u li jkollna swieq miftuħa.

Żiedet li l-pajjiżi madwar id-dinja jħarsu lejn l-Ewropa għat-tama u t-tmexxija, speċjalment fi żminijiet ta’ sfida. “Huwa f’idejna, l-Ewropej, li nieħdu d-destin tagħna f’idejna,” saħqet Roberta Metsola.

Il-President Metsola qalet ukoll li l-Ewropa tista’ tegħleb l-isfida tal-migrazzjoni billi l-pajjiżi jaħdmu flimkien; billi fi kliemha l-ebda pajjiż ma jista’ jieħu ħsieb din il-kwistjoni globali waħdu.