Il-Labour ħassar il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li kellha issir illum fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li l-Prim Ministru ma tax raġuni għal din id-deċiżjoni deskritta minn bosta bħala “stramba ħafna”. Iżda informazzjoni li kiseb Net News tindika li Abela ried akkost ta’ kollox jevita li jkollu diżgwid dwar ir-rapport li se jiġi ppreżentat illum quddiem il-Kumitat tal-Istandards – rapport li jiffoka fuq il-pożizzjoni tal-mara tal-Ministru Clayton Bartolo, u r-rwol li suppost kellha fil-Ministeru għal Għawdex, immexxi minn Clint Camilleri.
Ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika jiffoka fuq il-job li kienet ingħatat Amanda Muscat, li llum hija l-mara tal-Ministru Clayton Bartolo.
L-ilment quddiem il-Kummissarju kien sar sentejn ilu, u issa r-rapport ġie konkluż.
Net News jinsab infurmat li anke Robert Abela ra l-konklużjonijiet ta’ dak li qal il-Kummissarju tal-Istandards, u għalhekk ma riedx li “din il-kontroversja” tqajjimlu diżgwid fil-Grupp Parlamentari. Allura, għamel minn kollox biex iwaqqaf id-diskussjoni interna – tant li ħassar il-laqgħa tal-Grupp.
//= $special ?>