Żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Birżebbuġa ngħata probation għal perjodu ta’ tliet snin u ordnat jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità wara li ammetta li ta n-nar lil karozza pparkjata f’Birkirkara bil-konsegwenza li n-nirien laqtu karozza oħra.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Diċembru 2023 fi Triq G. Dimech Debono. Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara kienu infurmati li kien hemm Mazda Demio taqbad u meta marru fuq il-post sabu wkoll li n-nirien infirxu fuq Toyota.
Residenti fl-inħawi kienu barra u taw l-għajnuna tagħhom wara li n-nirien kienu kkontrollati mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Il-Pulizija fliet diversi cameras tas-sigurtà fl-inħawi u kellmu wkoll lis-sid tal-Mazda.
Huma arrestaw lil Seyble Grech li fil-Qorti ammetta mill-ewwel għall-akkużi miġjubin kontrih. Fl-għoti tal-piena, il-Maġistrat Leonard Caruana kkunsidra, fost oħrajn, li l-ġuvni kellu bżonn tal-għajnuna u li ammetta fl-istadju bikri tal-proċedura.
Il-Maġistrat Caruana ħareġ ukoll ordni ta’ trażżin favur is-sidien tal-karozzi milquta min-nirien.
//= $special ?>