Proġett innovattiv mal-imsieħba Maltin u Ewropej iffinanzjat mill-Erasmus+ se jiffoka fuq l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ bl-awtiżmu biex isiru awtoavukati proattivi.
ACTIVATE huwa proġett iffinanzjat mill-Erasmus+ li se jiġi ġestit bejn sitt organizzazzjonijiet sħab – ACTIVATE – li jfisser ‘Autistic Community through Advocacy, Learning and Empowerment’(Komunità Awtistika permezz tal-Promozzjoni, it-Tagħlim u l-Għoti tas-Setgħa) – se jiżviluppa kurrikulu mfassal apposta għal skola ta’ promozzjoni tal-awtiżmu għal żgħażagħ bl-awtiżmu, li jgħammarhom bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa sabiex ikollhom is-setgħa jitkellmu għalihom infushom.
Is-sitt entitajiet imsieħba huma minn erba’ pajjiżi Ewropej; il-Portugall, il-Belġju, Malta u r-Repubblika Ċeka. Immexxi mid-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) ta’ Malta flimkien mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat bħala mexxejja tal-proġett, id-diversi msieħba se jkunu responsabbli għall-pakketti ta’ ħidma rispettivi, bl-Università Belġjana KU Leuven ( KUL) responsabbli mill-iżvilupp ta’ metodoloġija ta’ riċerka dwar il-preferenzi ta’ tagħlim taż-żgħażagħ bl-awtiżmu u l-adattamenti meħtieġa għall-proċessi ta’ tagħlim inklużiv.
Organizzazzjoni Portugiża IMPACTsci se tiżviluppa l-qafas tal-kurrikulu u l-eżiti tat-tagħlim f’kollaborazzjoni mal-imsieħba kollha.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Persuni bl-Awtiżmu (EUCAP) se jimmaniġġja s-sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati filwaqt li l-NGO Associação Portuguesa Voz Do Autista Portugal (APVA) se tmexxi l-ħidma dwar il-promozzjoni diġitali.
Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità f’Malta (CRPD) se tkun responsabbli għall-istrateġija ġenerali ta’ komunikazzjoni u biex tikkoordina l-għarfien tal-proġett. Il-proġett beda f’Jannar 2024 u se jibqa’ għaddej għal sentejn.
Iż-żgħażagħ bl-awtiżmu li jipparteċipaw fil-proġett ser jingħataw l-opportunità li jimplimentaw il-ħiliet il-ġodda tagħhom ta’ promozzjoni permezz ta’ sessjonijiet ta’ ħidma ta’ involviment tal-partijiet interessati, inkluż ma’ dawk li jfasslu l-politika u organizzazzjonijiet ta’ promozzjoni, immirati lejn prattiki mtejba madwar l-Ewropa.
Il-faċilitaturi se jiġu mħarrġa wkoll fil-kurrikulu tal-iskola tal-promozzjoni tal-awtiżmu (Ħarreġ lil min iħarreġ) biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-legat tal-proġett. Il-proġett jinkludi wkoll konferenza finali, li se ssir f’Malta fl-2026, u kampanja estensiva ta’ promozzjoni diġitali.
Il-kurrikulu għall-iskola tal-promozzjoni se jiġi żviluppat mis-sħab infushom, filwaqt li jitqiesu s-sejbiet ta’ komponent ta’ riċerka dwar il-preferenzi tat-tagħlim taż-żgħażagħ bl-awtiżmu, li jifforma wkoll parti mill-proġett. Tragwardi oħra tal-proġett jinkludu CoP tal-Awtiżmu tal-UE (Komunità ta’ Prattika) għaż-żgħażagħ u webinars ta’ sensibilizzazzjoni.
Matul il-proċess, iż-żgħażagħ bl-awtiżmu se jkunu fiċ-ċentru tal-proġett, kemm meta jfasslu l-oqfsa, meta jittestjawhom, kif ukoll meta eventwalment jimplimentawhom, f’konformità mal-massima tad-diżabbiltà ta’ “Xejn Dwarna Mingħajrna” u jiżguraw li l-għarfien u l-ħtiġijiet tal-komunità jkunu fil-qalba tal-proġett.
Il-motivazzjoni wara l-proġett hija bbażata fuq ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-pożizzjoni marġinalizzata taż-żgħażagħ bl-awtiżmu fi ħdan il-promozzjoni, it-tfassil tal-politika u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà.
‘
//= $special ?>