Sport

Rebħa importanti ta’ Melita

Fl-ewwel logħbiet ta’ ġurnata oħra tal-kampjonat Malti tal-ogħla diviżjoni, spikkat ir-rebħa ta’ Melita fuq Żabbar St.Patrick.

Żabbar St.Patrick  1       Melita    3

Rebħa importanti għal Melita fl-ewwel partita tal-11-il ġurnata tal-kampjonat. Fit-13-il minuta, Żabbar marru fil-vantaġġ wara li Marc Bovenkamp deher li waqqa’ lil Stefan Ilic fil-kaxxa, bir-referee Fyodor Zammit isaffar penalty. Ariel Brian Gambarte għeleb lil Mizzi għal 1-0.

Fl-40 minuta, Melita kisbu l-goal tad-draw wara li Alan Olivier rebaħ minn-nofs il-pitch żmarka lil Carlos Penha li dar mal-goalkeeper Grech u skorja għal 1-1. Fis-56 minuta, żball ta’ Aldair Pena approfitta Ariel Brian Gambarte li daħal waħdu iżda minn quddiem Mizzi falla.

Fit-63 minuta, Melita marru fil-vantaġġ wara li Karl Mohnani venven xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa biex għeleb lil Grech  għal 2-1. Fis-66 minuta, Melita ingħataw penalty wara li Andre Penha Costa twaqqa’ mill-goalkeeper Grech. Penalty mogħti u skorjat minn Matthew Debattista għat 3-1. Riżultat li bih intemmet il-partita.

Referee kien Fyodor Zammit.

Mosta     2             Balzan     2

Skor ta’ 0 – 0 fi tmiem l-ewwel taqsima li matulha fit-33 minuta Balzan setgħu fetħu l-iskor wara li Lima xeħet kross mix-xellug lejn Jan Busuttil li x-xutt tiegħu minn ġol-kaxxa stampa mal-wieqfa.

Fis-60 minuta Balzan marru fil-vantaġġ. Wara li Akpan salva f’corner fuq Kamsoba, mill-istess corner kien Stanic li għola fuq kulħadd u bir-ras irnexxilu jikkonkludi wara l-linja fatali minkejja l-isforzi ta’ Failla.

Fit-62 minuta, Mosta kisbu l-gowl tad-draw.Minn corner mogħti minn Failla, Sasha Cachia ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tegħleb lil Golovic.

Fis-77 minuta Mosta marru fil-vantaġġ. Okereke kellu l-konklużjoni tiegħu imblukkata bil-ballun jerġa’ jiġi f’riġlejn Okereke li għadda lejn Agyemang, li minn taħt il-lasta ma żbaljax.

Balzan irnexxilhom jagħmlu l-iskor indaqs fit-82 minuta  permezz ta’ Akpan wara li ngħataw penalty għal foul fuq Westendorf.

Referee tal-partita kien Emanuel Grech.

Fis-Centenary Stadium:

Kampjonat tal-UEFA taż-Żgħażagħ: Partita ta’ ritorn:

Valletta    0           Auxerre   2

Intemmet l-avventura ta’ Valleta fil-Kampjonat tal-UEFA kategorija timijiet taż-Żgħażagħ wara li t-tim immexxi minn Johan Scicluna safa’ eliminat minn Auxerre b’aggregate ta’ 7 – 0 .

F’partita li Auxerre iddominaw għal ħinijiet twal, fis-27 minuta marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Djoubate kien BEN VIADERE li għeleb lil Frendo għall-uniku gowl matul l-ewwel taqsima.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess fejn wara li fit-53 minuta Eid Hamzawli laqat il-lasti għal Auxerre, fil-61 minuta minn pass ta’ Seha kien RODIN li għeleb lil Frendo għat-2 – 0. Skor li bih intemmet il-partita.

Referee tal-partita kien Dominik Stary – Repubblika Ceka.