Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, għadu kemm ikkonkluda l-ewwel diskors tiegħu minn wara l-konferma tar-rebħa għal Donald Trump fl-elezzjoni presidenzjali tat-Tlieta.
Id-diskors sar fir-Rose Garden tal-White House u fejn Biden fisser il-mandat tiegħu (li wasal biex jispiċċa) bħala wieħed ‘storiku’ filwaqt li enfasizza li l-elezzjoni mirbuħa minn Trump żvolġiet bħala proċess li kien ‘mija fil-mija’ demokratiku.
Joe Biden ftaħar li l-Gvern li wasal biex jispiċċa qed iħalli warajh l-aktar, ekonomija b’saħħitha fid-dinja u li t-telfa elettorali li sofra l-Partit Demokratiku (tiegħu) ma tfissirx li dan il-partit, ‘il quddiem, mhux se jgħaddi minn żmenijiet aħjar.
Biden tenna wkoll li r-rieda tal-poplu kienet riflessa fil-vot nazzjonali li se jkun irrispettat mill-kwartieri kollha bħala l-aħjar eżempju tad-demokrazija. Sadanittant, hu faħħar lill-Viċi President Amerikan, Kamala Harris, għall-kampanja tagħha għan-nom tad-Demokratiċi u qal li hi kienet ‘ta’ ispirazzjoni’ għal miljuni ta’ Amerikani.
Messaġġ ieħor tal-President kien li ‘persuna ma tistax tħobb pajjiżha biss f’sitwazzjoni ta’ rebħa, inkella taħdem ma’ ħaddieħor meta jkun hemm xi qbil li jaqbel lilu biss’.
Intant, Joe Biden ikkonferma li kien kellem lill-President-elett, Donald Trump, biex jifraħlu għar-rebħa u fejn wiegħdu li se jgħin biex it-tranżizzjoni ta’ poter f’Washington titmexxa bil-kwiet qabel Trump jieħu r-riedni tal-pajjiż uffiċjalment fl-20 ta’ Jannar.
Il-President Amerikan ikkonkluda d-diskors pjuttost qasir bil-kumment li l-Gvern tiegħu fadallu 74 jum biex jikkonkludi l-mandat u li l-Gvern għandu wkoll id-dmir u responsabbiltà biex jaċċerta li kull ġurnata tgħodd fl-interess tal-Amerikani kollha.
//= $special ?>