Internazzjonali

Stati Uniti: L-għajnejn kollha fuq il-Kabinett ġdid – Kamala Harris se tgħin għal ‘tranżizzjoni paċifika’

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed iħejji biex jagħżel it-‘Top Team’ – jew Kabinett – li se jkun strumentali ħafna għad-direzzjoni li l-pajjiż għandu jaqbad matul is-snin li ġejjin.

Sadanittant – u wara r-rebħa elettorali kbira għal Trump – il-kandidat rivali tal-Partit Demokratiku, Kamala Harris, filwaqt li ammettiet it-telfa uffiċjalment, ħalfet li se tgħin biex it-trasferiment tal-poter mid-Demokratiċi għal għand ir-Repubblikani jitmexxa mingħajr problemi u intoppi.

Il-Presidenza ta’ Donald Trump tibda uffiċjalment f’Jannar u meta l-Partit Repubblikan tiegħu anki ħa l-kontroll tas-Senat Amerikan filwaqt li qed jidher qrib ħafna li jikkontrolla wkoll il-Kamra tar-Rappreżentanti. Intant, kapaċi jgħaddu l-ġranet sakemm isiru magħrufa r-riżultati finali.

Waqt il-kampanja tiegħu, Donald Trump ħareġ b’diversi wiegħdiet – uħud aktar konkreti minn oħrajn – dwar min jixtieq li jara bħala parti mill-Amministrazzjoni (ġdida).

Għażla awtomatika – u kontroversjali – għandha tkun ta’ Elon Musk, l-imprenditur biljunarju u sid tal-kumpanniji SpaceX u Tesla, li investa l-miljuni kbar ta’ dollari fil-kampanja ta’ Donald Trump. Mistenni li Musk, li hu l-akbar sinjurun fid-dinja, jingħata rwol li mhux daqstant affiljat mal-Kabinett iżda li jaċċerta l-massimu tal-effiċjenza’ fit-tmexxija tal-Gvern ġdid.

Sadanittant, Robert F Kennedy Jr, eks kandidat indipendenti u magħruf bħala xettiku kbir dwar il-vaċċin għall-Covid, ukoll jista’ jkun inkluż fil-Kabinett – l-istess bħal Mike Pompeo, Eks Segretarju tal-Istat waqt l-aħħar Presidenza ta’ Trump u li x’aktarx jilħaq Segretarju tad-Difiża.

Fl-aħħar żviluppi, Kamala Harris appellat biex il-partitarji delużi tal-Partit Demokratiku ma jaqtgħux qalbhom u biex huma jkomplu jittamaw f’futur aħjar għall-Istati Uniti.

Fl-ewwel diskors tagħha wara l-konferma tat-telfa elettorali, Harris qalet li ‘għalkemm ħafna jistgħu jaħsbu li l-pajjiż dieħel għal żmien diffiċli ferm, wieħed għandu jittama li dan ma jkunx il-każ matul ix-xhur u snin li ġejjin.’

Fil-verità, id-Demokratiċi qed iħarsu lejn umiljazzjoni totali u fuq diversi fronti – b’Donald Trump jirbaħ ħamsa minn fost is-seba’ Stati Ewlenin (Swing States) li huma North Carolina, Georgia, Pennsylvania, Wisconsin u Michigan.

U fil-preżent, il-President-elett qed jidher viċin li jirbaħ anki l-aħħar żewġ Swing States – Nevada u Arizona – hekk imsejjaħ ‘clean sweep’ totali u trijonf mingħajr preċedent fl-istorja.