Numru ta’ Mexxejja tal-Istati tal-Unjoni Ewropea jemmnu li r-ritorn ta’ Donald Trump bħala President tal-Istati Uniti għandu jħalli l-konsegwenzi serji għas-sigurtà tal-Ewropa.
Madankollu, il-Mexxejja ma jistgħux ibassru bl-eżatt kif se jiżvolġu dawn il-konsegwenzi, inkella x’jista’ jitlob fil-futur il-President Amerikan-elett.
Il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, hu fost il-Mexxejja li jemmnu li s-suċċess elettorali ta’ Trump bilfors se jħalli impatt għall-Ewropa – u liema impatt, forsi, mhux se jkun wieħed daqstant mixtieq.
Il-konsegwenzi, għaldaqstant, mistennija jaffettwaw l-aktar lill-qasam tas-sigurtà – b’Donald Tusk jesprimi dan il-ħsieb ftit qabel hu ssieħeb fis-summit tal-Komunità Politika Ewropea (EPC) organizzat f’Budapest, fl-Ungerija.
Għal dan is-summit qed jattendu l-mexxejja ta’ kważi 50 Stat minn madwar l-Ewropa u fejn qed jiddiskutu l-isfidi għas-sigurtà tal-kontinent. Din hi l-ħames darba li ltaqa’ l-EPC u fejn il-Mexxejja jistgħu janalizzaw flimkien xi tfisser għalihom ir-rebħa ta’ Trump.
Fl-opinjoni ta’ Donald Tusk, is-sigurtà tal-Ewropa għandha tingħata kull prijorità fi kwalunkwe żmien – u meta l-Polonja, li għandha l-interessi speċifiċi (l-istess bħal kull pajjiż ieħor) qed tirrealizza dan.
Fil-fatt, il-messaġġ ewlieni minn Tusk lill-Mexxejja l-oħra tal-Ewropa hu biex huma jikkonsolidaw ir-relazzjonijiet transatlantiċi u biex jaċċertaw li l-Istati Uniti tissieħeb b’mod attiv fl-impenji għat-tkattir tas-sigurtà bħala ‘kollettiv’.
Il-Prim Ministru Pollakk – li kien ukoll il-President tal-Kunsill Ewropew – qal li għandu relazzjonijiet personali tajbin ma’ Donald Trump. Iżda hu anki rrefera għall-President Amerikan-elett bħala ‘politiku imprevedibbli li jaf juża sew dan il-livell ta’ imprevedibbiltà waqt li qed jitratta mal-(pajjiżi) ħbieb u għedewwa’.
Sadanittant, l-Unjoni Ewropea sħiħa – magħmulha minn 27 Stat membru – tinsab lesta għall-bidliet notevoli fit-tmexxija tal-Istati Uniti meta kumparati mal-Amministrazzjoni tal-President Demokratiku Joe Biden u li waslet biex tispiċċa.
U t-tama tibqa’ li l-Istati Uniti, taħt Trump, tkun il-protagonista ta’ era nieqsa mill-gwerer u l-konflitti u li Washington jaħdem mill-bidu nett għat-tisħiħ tas-sigurtà mhux biss għall-poplu Amerikan iżda anki għall-Istati alleati tal-Punent li jinkludi lill-Ewropa.
//= $special ?>