Tabib ta’ 52 sena ma nstabx responsabbli li intervent li wettaq fuq pazjent kien wieħed irresponsabbli u wassal biex dan jispiċċa b’testikola waħda. It-tabib kien wettaq l-intervent f’Lulju ta’ 10 snin ilu fi sptar privat f’Ħaż-Żabbar. Il-Qorti fis-sentenza tagħha ordnat biex isem it-tabib u isem il-pazjent ma jissemmewx.
Il-każ kien spiċċa l-Qorti wara li l-pazjent kien ippreżenta kwerela fejn dan kien allega li kien sofra feriti gravi u debulizza permanenti fis-saħħa jew fil-funzjoni tal-ġisem tiegħu. Huwa kien allega li minħabba l-proċedura li wettaq fuqu t-tabib, kien spiċċa l-Isptar Mater Dei fejn kellu jiġi operat u kien hemm li kellha titneħħielu t-testikola.
Abbażi ta’ din il-kwerela, il-Pulizija kienet mexxiet sabiex tieħu passi kriminali fil-konfront tat-tabib. Il-Qorti semgħet kif seħħew il-fatti, fejn minn eżami kliniku li kien għamel fuqu t-tabib fil-bidu, huwa kien sab ċesta taħt il-ġilda tal-parti privata tiegħu.
It-tabib tah parir biex jagħmel intervent sabiex ineħħi ċ-ċestu u qal lill-pazjent li dan l-intervent seta’ jagħmlu huwa stess. F’dan ir-rigward ma kien hemm xejn li ma kienx professjonalment korrett minn naħa tat-tabib.
Fil-fatt, Mario Scerri, espert mediku legali nominat mill-Qorti, qal li l-proċedura kienet saret sew fil-klinika privata. “Negliġenza ma kien hemm xejn,” qal Scerri, li sostna li ma kienx il-każ li din kienet xi proċedura komplikata li riedet xi livell ta’ speċjaliżazzjoni partikolari u lanqas kien il-każ li l-operazzjoni saret minħabba li ma kienx kompetenti.
Madankollu, ġara iżda li xħin l-akkużat beda l-proċedura rriżulta li ċ-ċesta ma kinitx fil-wiċċ iżda kienet aktar ‘l isfel, b’mod li għalhekk l-intervent ikkomplika ruħu. Mill-provi ma jidhirx li fil-mument tal-analiżi klinika tiegħu li wasslet lill-akkużat biex jagħmel l-intervent mediku, kien hemm x’jindika li din iċ-ċesta kienet aktar fil-fond.
Il-fatt li din kienet fil-fond ħareġ biss waqt l-intervent proprju. L-akkużat għalhekk ħtieġlu jinżel aktar fil-fond bil-konsegwenza li huwa laqat xi ftit il-layer tat-testikola u kkaġuna bleeding. L-akkużat imbagħad ipproċeda biex iwaqqaf il-ħruġ tad-demm. Minn hemm il-vittma mbagħad mar id-dar.
Is-sitwazzjoni però kkumplikat ruħha għaliex l-uġigħ li beda jħoss il-pazjent beda kulma jmur jiżdied hekk kif jgħaddi aktar ħin, tant li reġa’ kellu jagħmel kuntatt mal-klinika fejn kien sar l-intervent biex ikellem lill-akkużat li dak il-ħin ma kienx il-klinika.
Madankollu, sar kuntatt miegħu u t-tabib mar id-dar tar-residenza tal-pazjent biex jeżaminah u jara x’kien ġara. Ma kienx hemm telf ta’ żmien, u wara l-eżami mingħajr telf ta’ ħin għamillu karta urġenti biex imur Mater Dei.,
Minn dan kollu huwa fatt li ma jistax jiġi nnegat li l-intervent fuq il-pazjent mill-akkużat ma sarx kif suppost għaliex fil-proċess intlaqtet it-testikola. Li kieku sar kollox kif suppost, il-pazjent ma kienx ikollu għalfejn jintbgħat l-Isptat Mater Dei. Dan, iżda, ma jfissirx li għax l-intervent ma marx kif suppost kien hemm negliġenza.
Waqt l-intervent wara li l-akkużat kien ikkaġuna l-bleeding, huwa ra li jagħmel il-punti biex id-demm ma jibqax ħiereġ. B’hekk huwa ħa l-azzjonijiet kollha neċessarji li kien hemm bżonn fiċ-ċirkostanzi. Aktar importanti minn hekk, meta huwa ġie avvinċinat rigward il-fatt li l-kundizzjoni tal-pazjent tiegħu kienet marret għal agħar waqt l-intervent, huwa ma ġiex jaqa’ u jqum mill-vittma.
Mar fir-residenza tiegħu biex jinvistah hemm u wara huwa mill-ewwel bagħtu l-isptar fejn spjega kollox bid-dettal dwar x’kien ġara biex huwa jkun jista’ jingħata l-kura neċessarja b’mod immedjat mill-Isptar Mater Dei.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, qalet li fid-dawl ta’ dan kollu ma tistax tiġi attribwita responsabbiltà kriminali min-naħa tat-tabib. Kif spjega t-tabib Mario Scerri, it-telf tat-testikola ma kienx riżultat dirett tal-intervent tal-akkużat. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti qalet li qed issib lit-tabib mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
L-Avukat Joe Giglio deher għat-tabib.
//= $special ?>