Lokali

“Żewġ Ministri tal-Gvern jinqabdu fi frodi” – PN

Il-Partit Nazzjonalista insista li Clayton Bartolo u Clint Camilleri għandhom jirriżenjaw jew jitkeċċew mill-Prim Ministru.

Il-mara tal-Ministru Clayton Bartolo tħallset konsulenza ta’ xogħol li ma wettqitx, bil-kompliċità tal-Ministru Clint Camilleri. Din kienet il-konklużjoni prinċipali tal-Kummissarju għall-Istandards, f’rapport li ġie ppubblikat illum.

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li kien ippreżentat lill-Kumitat Parlamentari tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u ġie ppubblikat illum waranofsinhar, sab ukoll li s-sieħba li llum tiġi l-mara tal-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, intgħażlet bħala konsulenta mingħajr ma kienet kwalifikata, u apparti li ma għamlitx dan ix-xogħol tul il-ħatra tagħha, baqgħet tagħmel ix-xogħol li kellha qabel bħala Segretarja Personali tal-Ministru, imma titħallas il-paga ta’ konsulent.

Dan sar l-ewwel mal-Ministru Clayton Bartolo u wara mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Parlament, ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg; ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco; u x-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg spjegaw kif dan il-każ hu identiku għall-każ tas-sieħeb tal-Eks Ministru Justyne Caruana, Daniel Bogdanovic – li kien ingħata kuntratt ta’ xogħol li ma wettaqx, u simili għall-każ ta’ Rosianne Cutajar – li fi kliemha stess ħadet kuntratt ta’ konsulenza “biex titħanżer”.

Fiż-żewg każi, l-Eks Ministru Caruana u l-Eks Segretarju Parlamentari Cutajar kienu mġiegħla jirriżenjaw mill-Prim Ministru Robert Abela. Tant kemm il-Ministri Clint Camilleri u Clayton Bartolo kienu konxji li l-każ tagħhom hu bħal ta’ Bogdanovic, li t-trasferiment fuq il-karta tal-mara tal-Ministru Bartolo mill-Ministeru tiegħu għall-Ministeru ta’ Għawdex sar tliet ġimgħat wara li sar l-ilment fuq il-każ ta’ Daniel Bogdanovic, u l-kuntratt mal-Ministru Clint Camilleri ġie terminat ġimagħtejn wara li ġie ppubblikat ir-rapport dwar il-każ ta’ Daniel Bogdanovic.

Fir-rapport tiegħu, il-Kummissarju għall-Istandards jikkonkludi li Clayton Bartolo kiser il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sens ta’ servizz li m’għandux ikun motivat minn sens ta’ gwadann personali, familjari, ta’ ħbiebu jew persuni qrib tiegħu u anke dak li jgħid il-Kodiċi fuq il-ħtieġa li l-Ministri jeżerċitaw l-ogħla livell ta’ diliġenza fl-infiq ta’ fondi pubbliċi.

Fil-konfront tal-Ministru Clint Camilleri, jikkonkludi li dan kiser il-Kodiċi b’rabta mal-infiq ta’ fondi pubbliċi.

Ir-rapport jelenka wkoll l-inkonsistenzi kbar bejn ix-xhieda tal-mara tal-Ministru Bartolo, tal-Ministri u tal-Kapijiet tas-Segretarjati tagħhom, li jfisser li xi ħadd jew xi wħud minnhom gidbu taħt ġurament. Jimplika wkoll lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li, jgħid, kien konxju li l-mara tal-Ministru baqgħet tagħmel ix-xogħol ta’ Segretarja Personali ta’ dak li eventwalment sar żewġha, tant li emails mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-Ministru Bartolo anke tul l-impjieg tagħha mal-Ministru Camilleri baqgħu jikkupjaw lilha.

Il-kelliema sostnew li l-inqas ħaġa li wieħed jistenna quddiem skandlu ieħor ta’ frodi bħal dan – fejn għal darb’oħra għandna frodi ta’ fondi pubbliċi biex jiggwadanja l-Ministru nnifsu permezz tal-mara jew is-sieħba tiegħu – huwa li bl-istess riga ta’ Robert Abela stess, il-Ministru Clint Camilleri u l-Ministru Clayton Bartolo jirriżenjaw jew jitkeċċew mill-Prim Ministru.