Lokali Qorti

Akkużat li aggredixxa lit-tfajla tiegħu wara li xliha li ħaditlu l-kokaina

Raġel ta’ 36 sena nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li aggredixxa lit-tfajla tiegħu li kienu ilhom flimkien erba’ snin u nofs. Il-Qorti semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid li l-mara marret l-għassa nhar l-Erbgħa fis-6am u qalet li meta r-raġel qam xliha li ħaditlu l-kokaina tiegħu.

Il-mara ċaħdet dan kollu miegħu u hu allegatament aggrediha. Skont il-mara, ir-raġel ħadilha l-mowbajl u qalilha “minn hawn ma toħroġx.” Il-mara rnexxielha taħrab mir-residenza f’Ħal Qormi u r-raġel spiċċa arrestat.

L-ispettur Christian Cauchi qal lill-Qorti li l-mara kellha ġrieħi viżibbli f’għonqha. Ħareġ fil-Qorti li l-akkużat kien aġitat wisq biex ikun interrogat dakinhar u ntbagħat l-Isptar Mater Dei. Huwa wieġeb mhux ħati li żamm lill-mara kontra l-volontà tagħha, li wassalha biex tibża’ li se tintuża l-vjolenza kontriha u li feriha ħafif.

L-avukat tiegħu Ezekial Psaila talab il-ħelsien mill-arrest bl-argument li ma nstabet l-ebda droga fir-residenza tar-raġel, filwaqt li ssuġġerixxa li l-argument ma kienx dwar l-użu tad-droga iżda r-raġel, li huwa sid ta’ ħanut tal-laħam, sab xi flus neqsin u staqsa lit-tfajla tiegħu x’ġara mill-flus neqsin.

L-avukat qal ukoll li r-raġel kellu ġrieħi viżibbli f’wiċċu kkawżati mit-tfajla tiegħu. Qal ukoll li l-proprjeta’ hija tal-akkużat u kellu sitt iklieb x’jieħu ħsieb. Qal li dawn baqgħu bil-ġuħ għal dawn l-aħħar 24 siegħa, bl-avukat iżid jgħid li l-Qorti għandha ssib bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużat u s-soċjetà.

Ir-raġel għandu xogħol. Għandu l-ħwienet u jimpjega diversi persuni. M’għandu l-ebda familja u għandu biss dawn is-sitt iklieb. Il-mistoqsija tiegħi hija min se jitmagħhom? qal l-avukat, hekk kif saħaq li l-klijent tiegħu m’għandux ikun suġġett għal piena proviżorja.

L-Ispettur Christian Cauchi oġġezzjona bil-qawwa kollha kontra l-pleġġ u enfasizza li r-riżultati tal-isptar juru li l-akkużat irriżulta pożittiv għall-kokaina, u qal li r-raġel għandu problema li jrid jindirizza u li l-Qorti għandha toħroġ ordni ta’ trattament.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet lir-raġel il-ħelsien mill-arrest u żammewh taħt arrest, fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u li l-każ għadu fi stadju bikri. Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil irrakkomandat li l-akkużat jingħata l-għajnuna kollha li għandu bżonn waqt li jkun f’kustodja preventiva. Ġiet imposta ordni ta’ trattament fuq l-akkużat.