Futbol Sport

Alex Satariano jirbaħ il-Lifestar MVP għax-xahar ta’ Ottubru

Il-Midfielder avvanzat ta’ Birkirkara Alex Satariano ġie magħżul bħala l-aqwa plejer għax-xahar ta’ Ottubru u ngħata l-LifeStar Most Valuable Player Award.

Satariano beda l-karriera tiegħu ma’ Luxol, fejn matul is-snin lagħab f’bosta pożizzjonijiet, fosthom bħala difensur laterali, midfielder avvanzat u anke attakkant ċentrali. Dawn il-prestazzjonijiet juru kemm hu versitili l-internazzjonali Malti.

Satariano kellu xahar mill-aqwa, fejn kien strumentali fir-rebħ tal-Istripes kontra Sliema Wanderers, Ħamrun Spartans u Gżira United, biex Birkirkara temmew l-ewwel rawnd tat-360Sports Premier Malta fl-ewwel post.

Mit-33 vot li ngħataw dan ix-xahar, Satariano rċieva 15 minn dawn, li huwa kważi 46% tal-voti. Fit-tieni post temm l-attakkant ta’ Hibernians Jurgen Degabriele bi 8 voti, li jirriżulta f’24% tal-voti.

Satariano ngħata l-premju l-Ħamis filgħaxija qabel l-Istripes affrontaw lil Floriana.

Il-midfielder ta’ 23 sena għamel id-debutt tiegħu lura fl-2017 ma’ Luxol St.Andrews fil-partita kontra Gżira United, fejn dak iż-żmien kellu biss 15-il sena.

Satariano kellu anke esperjenzi barra, fosthom ma’ Pergolettese fis-Serie C Taljana, kif ukoll sar l-ewwel plejer li mwieled Malta li lagħab fis-Serie B, ma’ Frosinone lura fl-istaġun 2021/22.