Lokali

Clayton Bartolo qed jibża’ mid-domandi tal-media

Jikkanċella l-parteċipazzjoni tiegħu għal żewġ avvenimenti tal-MTA

Kollox qed jindika li l-Ministru Clayton Bartolo qiegħed jaħrab lill-media.

Tul il-jum tal-Ġimgħa, oriġinarjament Bartolo kellu jattendi għal serata b’rabta ma’ Jum it-Tifkira fiċ-Ċimiterju Navali tal-Kalkara, fejn tattendi fost oħrajn se jkun hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

Dan irriżulta minn e-mail tul il-jum tal-Ħamis ftit wara l-ħin ta’ nofsinhar – madanakollu malli feġġet l-aħbar li kien ippubblikat ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li l-mara tiegħu ngħatat impjieg ta’ konsulenza b’madwar €70,000 għal xogħol li m’għamlitx kemm mal-Ministeru għat-Turiżmu kif ukoll mal-Ministeru t’Għawdex… huwa rtira ismu mill-avveniment tal-lum.

Iżda mhux biss, dan hekk kif tul il-jum tas-Sibt, kellu jattendi għal avveniment ieħor b’rabta mal-Jum it-Tifkira, proprju f’Forti Sant’Iermu – iżda oħroġ il-għaġeb anke hawnhekk il-Ministru responsabbli mit-Turiżmu mhux se jkun qiegħed jattendi għal din l-attività organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

U filwaqt li Clayton Bartolo għamel apoloġija u stqarr li kulħadd jibżalja għax kulħadd uman, jidher b’mod ċar li qed jittanta jiżgiċċa mid-domandi tal-media waqt li l-maġġoranza tal-poplu qed isejħu għar-riżenja kemm tiegħu kif ukoll tal-Ministru Clint Camilleri.

Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-apoloġija hija waħda biżżejjed.

Fatt li juri li minkejja l-ħafna diskors frivolu fl-aħħar xhur wara t-tbeżbiża tar-riżultat elettorali, il-Partit Laburista ma nbidel assolutament xejn.