Lokali

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jagħlaq għajnejh hija daqqa ta’ ħarta f’wiċċ il-governanza – MEA  

Ir-reazzjoni ta’ Abela tibgħat messaġġ ċar li ċertu persuni jistgħu jiksru r-regoli mingħajr konsegwenza

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ħarġet tikkritika bl-aktar mod aħrax lill-Prim Ministru Robert Abela wara r-reazzjoni tiegħu b’rabta mal-iskandlu l-ġdid li fih hemm involut il-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri.

L-MEA spjegat li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jħalli lil dawn il-Ministri jkomplu fix-xogħol tagħhom qisu xejn m’hu xejn hija daqqa ta’ ħarta f’wiċċ il-governanza u l-kontabbiltà.

L-Assoċjazzjoni saħqet li l-impjieg fantażma li ngħata lil Amanda Muscat, il-mara tal-Ministru Bartolo, kulħadd jaf li mhux l-ewwel wieħed fix-xorta tiegħu u għalhekk ir-reazzjoni ta’ Abela tibgħat messaġġ ċar lill-pajjiż li ċertu persuni f’ċertu pożizzjonijiet għoljin jistgħu jiksru r-regoli mingħajr ebda konsegwenza għall-azzjonijiet tagħhom.

Kompla jingħad li dawn l-impjiegi proprju huma waħda mir-raġunijiet ewlenin li hawn nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur privat, vojt li qed jiġi indirizzat b’ħaddiema barranin.

L-MEA insistiet li l-Ministri u l-ħaddiema taċ-ċivil qiegħdin hemm biex iservu lill-poplu u mhux biex jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħhom biex igawdu minn impjiegi governattivi b’pagi lussużi kif jaqblilhom. 

L-MEA appellat għal kontabbiltà u kontroll partikolarment fejn għandu x’jaqsam persons of trust – li jingħataw impjieg skont l-expertise tagħhom, il-kwalifiċi u l-esperjenza li għandhom.

Madanakollu, sfortunatament l-MEA insistiet li hemm wisq eżempji taħt dan il-Gvern li jingħataw biss skont it-twemmin politiku u gwadann partiġjan u favoritiżmi.

L-Assoċjazzjoni kienet ċara, diversi ħaddiema qed jaraw inġustizzji kbar li jaqilgħu paga umli wara ġurnata xogħol, filwaqt li l-ftit tal-qalba qed igawdu minn pagi eżorbitanti b’eluf kbar ta’ ewro għal xogħol li ftit jew wisq ma jagħmlu xejn.

Dan kollu qed jaffettwa l-motivazzjoni tal-pajjiż, tas-settur tax-xogħol – fatt li ma jistax jibqa’ jiġi permess.

Għaldaqstant l-MEA insistiet li jekk verament Robert Abela jemmen veru fil-governanza t-tajba għandu jibgħat messaġġ ċar bl-azzjonijiet tiegħu li tali abbuż f’Malta mhux tollerat.