Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar sentejn jistaqsi x’sar mill-famuża stone marker li sabet ruħha maġenb il-pool tad-dar tal-Ministru Anton Refalo.
Issa, f’dawn l-aħħar jiem, sirna nafu li b’xi mod, din il-ġebla mirakolożament sabet ruħha lura għand is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. U dan sirna nafuh bis-saħħa ta’ Mistoqsija Parlamentari magħmula mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Ryan Callus. Kieku ma saritx din il-PQ, kieku għadna fil-għama dwar il-misteru tal-ġebla storika ta’ żmien l-Ingliżi fil-proprjetà privata tal-Ministru Anton Refalo.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister Julie Zahra qalet li waqt li ħabbar dan, il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici ma pprovda l-ebda spjegazzjoni kif seħħ dan il-miraklu. Kif, naturalment, ma saret l-ebda apoloġija mill-Ministru Refalo, u wisq inqas ittieħdu xi passi kriminali.
Dan l-istess Ministru, bejn l-2018 u l-2020 serva bħala Chairperson ta’ Heritage Malta u allura bla dubju ta’ xejn jaf sew xi tgħid il-Liġi tal-Patrimonju Kulturali.
Julie Zahra qalet li l-aġir misterjuż tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali aktar joħloq dubji milli jneħħihom. Speċjalment għal min huwa preokkupat dwar il-protezzjoni fqira li dan il-Gvern qed jagħti lill-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jistaqsi għalfejn din l-istone marker ma nġabritx mill-ewwel fi Frar tal-2022 mill-Ministru Owen Bonnici, inkella għalfejn il-Ministru Refalo ma ġiex obbligat jirritornaha mill-ewwel mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali? Tajjeb jgħidulna wkoll x’passi ħadet, jekk ħadet, il-Pulizija f’dan il-każ.
Interessanti nkunu nafu wkoll għalfejn kellha tgħaddi sena sħiħa biex insiru nafu li dan l-artefatt tas-seklu dsatax kien ġie ritornat. Sew iċ-Chairman ta’ Heritage Malta kif ukoll is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali kienu kkonfermaw dan f’Lulju li għadda, imma qalu li l-ġebla storika kienet ġiet irritornata mill-Ministru Refalo fl-2023. Allura għalfejn kellha tgħaddi sena biex il-pubbliku jsir jaf?
Skont il-liġi tal-Patrimonju Kulturali, min jinstab ħati ta’ reati bħal dawn li jinvolvu oġġetti kulturali jew storiċi ta’ valur, jista’ jeħel multa ta’ bejn €2,000 u €250,000 (kwart ta’ miljun ewro) jew sentenza ta’ priġunerija sa sitt snin ħabs, inkella t-tnejn li huma flimkien.
Huwa inkredibbli kif Ministru tal-Kabinett jinqabad li kellu fil-pussess tiegħu oġġett prestiġjuż li jifforma parti mill-patrimonju nazzjonali ta’ pajjiżna miżmum fil-ġnien privat tiegħu, u qisu ma ġara xejn. Mhux talli hekk, imma talli l-Ministru sieħbu li suppost hu responsabbli mill-kultura, jgħattilu.
Dan mhu xejn ħlief sintomu ieħor tal-kultura ta’ xejn mhu xejn li l-Gvern tal-Labour daħħal f’pajjiżna. Dan, fissret ix-Shadow Minister Julie Zahra, huwa wkoll il-mod kif Gvern Laburista jittratta t-teżori nazzjonali li għandu pajjiżna.
.
//= $special ?>