Lokali

“Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jinqabad f’gidba wara l-oħra” – PN

“Il-poplu jixraqlu jkun jaf il-verità dwar dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna. Iżda minflok, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jinqabad f’gidba wara l-oħra.”

Dan kien il-messaġġ li wasslu x-Shadow Ministers Adrian Delia u Ivan Castillo waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellmu dwar id-diversi okkażjonijiet li fihom Robert Abela gideb – fosthom dwar id-drenaġġ, il-qgħad u l-pensjonijiet.

Ix-Shadow Minister Adrian Delia qal li l-Gvern qed jigdeb b’mod konsistenti. U dan l-aġir qed iħasseb lill-poplu. Huwa fakkar li fid-diskors tiegħu tal-Budget Robert Abela gideb fuqu meta qal li hu illikja dokument intern tal-Partit Nazzjonalista – din kienet biss fake news!

Huwa qal li minkejja li invoka ksur ta’ privileġġ fil-Parlament, il-Gvern baqa’ fis-silenzju.

Apparti minn hekk, Adrian Delia spjega kif Robert Abela gideb meta qal li Net Media ppubblika l-ispot illegali tal-Budget – allegazzjoni li ġiet miċħuda minn dan l-istazzjon stess.

Minn naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Ivan Castillo tkellem dwar id-diversi okkażjonijiet fejn Robert Abela gideb.

Huwa fakkar kif Abela gideb meta qal li l-poplu m’għandux għalfejn jaħdem sena oħra biex jieħu l-pensjoni, gideb ukoll meta qal li l-Partit Nazzjonalista qatt ma żied il-pensjonijiet. Infatti, kien l-Eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li żied il-pesnjonijiet b’84%.

Ivan Castillo qal ukoll li Robert Abela gideb meta implika li mhux vera li qed jintrema d-drenaġġ fil-baħar; u kienet proprju l-Qorti Ewropea li kkundannatu għal dan l-aġir.

Hawnhekk, Ivan Castillo saħaq li din hija konferma li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa kompletament maqtugħ mir-realtà.

Matul il-konferenza l-kelliema fakkru fil-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li Gvern ġdid Nazzjonalista se jneħħi l-ħlas ta’ sena żejda li wieħed irid joħroġ mill-but għall-pensjoni sħiħa.