Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Daniel Farrugia

Eks Sindku u Eks Kunsillier li ħadem bis-sħiħ għall-poplu tal-Qrendi u għall-PN

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Daniel Farrugia. L-aħbar tal-mewt tiegħu tnissel niket fostna lkoll li konna nafuh.

Daniel Farrugia ddedika ħajtu għall-politika u ħadem bis-sħiħ għall-ġid tan-nies tal-Qrendi.

Hu serva b’lealtà lill-poplu kemm bħala Sindku kif ukoll bħala Kunsillier tal-PN fil-Kunsill Lokali tal-Qrendi.

Daniel Farrugia ta ħafna ħin u ħidma wkoll lill-Partit Nazzjonalista.

Minkejja d-diffikultajiet ta’ saħħa, huwa baqa’ jservi bħala Kunsillier Lokali sa Ġunju li għadda b’dedikazzjoni u lealtà assoluta.

Għal Daniel Farrugia, il-politika kienet verament għodda ta’ servizz lejn ħaddieħor mingħajr distinzjoni ta’ kulur, u għandu jkun ta’ eżempju għalina lkoll fil-politika.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, f’isem il-Partit Nazzjonalista, wassal il-kondoljanzi lill-familja u l-qraba kollha ta’ Daniel Farrugia.