“Il-Pulizija għandha d-dover li tinvestiga dan il-każ”
Il-Prim Ministru huwa fid-dmir tiegħu li jitlob għar-riżenja tal-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri – u wisq aktar huwa dmir tal-Pulizija li tinvestiga dan il-każ.
Dan sostenewh ix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Darren Carabott f’konferenza tal-aħbarijiet; l-għada li l-Kummissarju tal-Istandards ippubblika rapport fejn ikkonkluda li l-mara tal-Ministru Bartolo, Amanda Muscat, ingħatat żewġ promotions mal-Ministeru għat-Turiżmu u dak ta’ Għawdex mingħajr ma kellha ebda esperjenza jew kwalifiċi għalihom b’paga ta’ €70,000.
Dan kollu wassal sabiex il-Ministru Bartolo għamel apoloġija fuq Facebook, u qal li kulħadd jiżbalja, bil-Prim Ministru jaċċetta tali apoloġija.
Ix-Shadow Minister Darren Carabott insista li dan kollu qed jindika li l-valur tas-soċjaliżmu fil-Partit Laburista mmexxi minn Abela, spiċċa għal kollox fejn minkejja li jirrepetu li qalbhom qiegħda man-nies, tassew qalbhom qiegħda ma’ buthom… u stqarr li dan l-episodju huwa wieħed biss milli nafu.
Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg insistiet li dan ir-rapport juri li l-meritokrazija taħt Gvern tal-Labour spiċċat għal kollox u li hemm bżonn rimedju u azzjoni effettiva biex xi ħadd jerfa’ responsabbiltà ta’ dan il-każ ta’ frodi.
Huma saħqu li l-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni immedjatament, bil-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti għar-riżenja ta’ dawn iż-żewġ Ministri.
Ix-Shadow Ministers saħqu li huwa ċar li l-unika soluzzjoni għal dan il-pajjiż hija bidla fil-Gvern u insistew li l-Partit Nazzjonalista jintrabat li dawn l-episodji jkunu ħaġa tal-passat li jieqfu ma’ amministrazzjoni ta’ Gvern tal-Labour.
//= $special ?>