Lokali

Il-President Myriam Spiteri Debono żżur il-pazjenti Maltin f’Londra

Matul żjara li għamlet f’Londra, il-President Myriam Spiteri Debono rat mill-qrib il-frott tal-ħidma tal-Malta Community Chest Fund u entitajiet oħra biex il-Maltin li jkollhom bżonn trattament barra minn pajjiżna jkunu assistiti bl-aħjar mod possibbli.

Matul din iż-żjara, il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata minn uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund, li jassistu lill-pazjenti b’diversi modi sa mill-bidu tad-dijanjosi tagħhom sakemm ikunu f’Londra, matul il-kors kollu tat-trattament tagħhom, u wkoll malli jirritornaw lejn Malta wara l-kura.

Iż-żjara tal-President f’Londra bdiet b’laqgħa mal-pazjenti Maltin rikoverati f’Sutton, kif ukoll ma’ qrabathom.

Il-President kellha wkoll żjarat fl-Isptar Great Ormond u fl-Isptar San Bartilmew. Matul dawn iż-żjarat ukoll, il-President Spiteri Debono ltaqgħet mat-tmexxija tal-isptarijiet, u ma’ diversi professjonisti.

L-impenji tal-President kienu jinkludu wkoll żjara fis-sit ta’ Puttinu Cares fejn qed jinbnew appartamenti ġodda qrib l-isptar fejn il-pazjenti Maltin jirċievu l-kura.

Il-President żaret ukoll il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fejn iltaqgħet mal-Kummissarju u l-impjegati fejn kienet spjegata mill-qrib il-ħidma biex jissaħħu r-relazzjonijiet kulturali u kummerċjali bejn Malta u r-Renju Unit.