Lokali

“Inaċċettabbli li Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil Clayton Bartolo u Clint Camilleri” – Bernard Grech

“Il-poplu huwa mxebba’ u rrabjat bil-fatt li Robert Abela ddefenda l-aġir tal-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri fuq l-impjieg fantażma li sewa lil pajjiżna kważi €70,000.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent telefoniku li għamel fuq Net FM wara li l-pajjiż spiċċa maħkum minn skandlu ġdid fejn skoprejna li l-mara ta’ Clayton Bartolo tħallset kważi €70,000 għal xogħol li m’għamlitx.

Bernard Grech sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela ma tgħallem xejn wara r-riżultat elettorali ta’ Ġunju li għadda bir-realtà hi li għandna Gvern li jaġevola biss lil tal-qalba bil-bżonnijiet tal-poplu jingħataw il-ġenb.,

Fl-aħħar sigħat, Robert Abela ddefenda l-aġir taż-żewġ Ministri. U saħansitra qal li l-apoloġija kienet biżżejjed.

Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċettabbli li għal darb’oħra Robert Abela ma ħa l-ebda azzjoni meta affaċċjat bi frodi – xi ħaġa li għamel fil-passat ukoll, b’Ministri involuti fi skandli jibqgħu jżommu posthom.

Bernard Grech fakkar ukoll li għal darb’oħra l-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ kompletament sieket; li sservi ta’ konferma oħra li din l-istituzzjoni għadha maħkuma minn Robert Abela.

Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-poplu qed jifhem li l-Gvern qed iżomm il-kontroll f’numru ta’ istituzzjonijiet bil-għan li jkun jista’ jikkontrolla n-narrattiva.

Intant, Bernard Grech sostna li l-poplu jixraqlu Gvern nadif, Gvern ta’ kwalità u fuq kollox jixraqlu Gvern li se jpoġġi l-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel u qabel kollox. Dan filwaqt li insista li l-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri għandhom jirriżenjaw minnufih.