Lokali

“Inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+”

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fid-drittijiet ta’ kull individwu.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, waqt laqgħa li kellu mal-Allejanza LGBT+ fi ħdan il-Partit Popolari Ewopew.

Waqt din il-laqgħa li saret fil-Parlament, Bernard Grech tenna li ħadd m’għandu jkollu ittimbrat fuqu xi tip ta ‘tabella’ u li kull persuna għandha tgħix mingħajr diskriminazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li hemm lok biex il-pajjiż issir iktar inklussiv hekk kif jeħtieġ li d-drittijiet ma jibqgħux biss fuq il-karta.

Punt li l-President tal-Allejanza LGBT+ tal-Partit taċ-Ċentru tal-Lemin qabel perfettament miegħu…. hekk kif hu ukoll sostna li hemm differenza bejn il-ħajja kif deskritta bil-liġijiet ta’ fuq il-karta, u ir-realtà.

Il-President ta’ din l-Alleanza esprima wkoll sens ta’ sodisfazzjoni għall-fatt li saret din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. U tenna li l-kollaborazzjoni bejn il-pajjiż kollha tal-Ewropa hija importanti biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet ta’ kull individwu.

Il-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalisa, Jamie Vella minn naħa tiegħu tkellem dwar kemm hu importanti li kull socjeta’ tkun inklussiva.

Waqt din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, u x-Shadow Ministers Graziella Attard Previ, Graziella Galea u Paula Mifsud Bonnici.