Il-Kap tal-PN Bernard Grech jiltaqa’ mal-European Centre-Right LGBT+ Alliance li l-FOIPN qed jospita għal-Laqgħa Annwali f’Malta
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ u jiżgura li l-komunità LGBTIQ+ f’Malta tgawdi minn leġiżlazzjoni li tiżgura li jiġi mħares il-prinċipju tal-inklużività.
Biex jagħti l-eżempju, il-PN waqqaf il-fergħa tal-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdanu li din is-sena qed tagħlaq 10 snin. Din il-fergħa llum hija membru u tipparteċipa b’mod attiv fil-Kunsill Konsultattiv Nazzjonali LGBTIQ+ u tieħu sehem fil-konsultazzjonijiet li jsiru b’mod regolari ma’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu llejla fil-Parlament mal-European Centre-Right LGBT+ Alliance li bħalissa qed tlaqqa’ f’Malta l-Laqgħa Annwali tagħha.
Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, membri tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN) u diversi Membri Parlamentari, li ltaqgħu ma’ delegazzjonijiet differenti minn din l-Alleanza.
Il-European Centre-Right LGBT+ Alliance hija entità assoċjata mal-Partit Popolari Ewropew (PPE), u tirrappreżenta netwerk ta’ gruppi Konservattivi, Demokristjani u Liberali-Konservattivi LGBT fl-Ewropa. L-Alleanza taħdem biex issaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet membri, toffri vuċi LGBT fil-politika taċ-Ċentru-Lemin fuq livell Ewropew u nazzjonali, kif ukoll tipprovdi vuċi Ċentru-Lemin fil-Komunità LGBT+.
Is-sena l-oħra, waqt laqgħa f’Dublin, il-FOIPN ġie appuntat bħala membru tal-bord ta’ din l-Alleanza, rappreżentat minn Jamie Vella. Sussegwentement, Malta ġiet magħżula biex tospita l-Laqgħa Annwali tagħha, li qed issir f’pajjiżna bejn is-7 u l-10 ta’ Novembru.
Matul il-jiem li ġejjin, din l-Alleanza se tiltaqa’ ma’ diversi gruppi tas-soċjetà ċivili lokali. Il-President tal-Alleanza, Helge Ytterøy L’Orange, li jiġi mill-grupp politiku Norveġiż Apne Hoyre, għada mistenni jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Malta Żagħżugħa, li se jiltaqa’ f’Villa Blanche.
Waqt il-laqgħa, il-Kap tal-PN Bernard Grech laqa’ u rringrazzja lill-membri ta’ din l-Alleanza talli għażlu lill-PN biex jospita din il-laqgħa importanti, waqt li tenna l-impenn tal-Partit Nazzjonalista favur id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ u l-promozzjoni ta’ messaġġ politiku ta’ inklużività.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll l-Assistent Whip u Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici; ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ; u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea kif ukoll il-President tal-FOIPN Jamie Vella flimkien ma’ Stanley Joe Portelli, Eman Borg u Freddie Gerada minn din l-istess fergħa.
//= $special ?>