Lokali

‘Jum it-Tifkira’ nhar il-Ħadd li ġej

Ritratt: Matthew Tabone


Fi tmiem il-ġimgħa, pajjiżna se jfakkar il-vittmi taż-żewġ Gwerer Dinjija – ċerimonja li se ssir nhar il-Ħadd, 10 ta’ Novembru.

Għal din l-okkażjoni se tkun konċelebrata quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta fid-9:30 ta’ filgħodu, li ser tkun iċċelebrata minn Monsinjur Charles J. Scicluna – Arċisqof ta’ Malta.

Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta tispezzjona l-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta’ Malta, bis-sehem ukoll tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Wara l-quddiesa, fil-10:40 ta’ filgħodu, issegwi ċ-ċerimonja ta’ tifkira biswit il-Monument tal-Gwerra, fil-Furjana. Matul din iċ-ċerimonja jitqiegħdu kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u persuni distinti oħra.

Il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra jiffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal matul iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni.