Internazzjonali

L-Olanda: Partitarji tal-futbol Iżraeljani suġġetti għal livell ta’ vjolenza li għandha wkoll tħalli r-riperkussjonijiet politiċi

Il-Gvern Olandiż u s-Sindku ta’ Amsterdam ikkundannaw il-kampanja ta’ vjolenza li spiċċaw suġġetti għaliha l-gruppi ta’ partitarji Iżraeljani waqt li kienu qed jattendu għal logħba futbol mill-kompetizzjoni tal-Ewropa League fil-kapitali Olandiża.

Il-folol tal-Iżraeljani kienu mira għal diversi attakki – qabel u wara l-logħba – fuq stil ta’ ‘hit and run’ u meta mifhum li l-parti kbira tal-aggressuri kienu rġiel u żgħażagħ li jissimpatizzaw mal-kawża tal-Palestinjani u li riedu jinfexxu r-rabja tagħhom dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa f’Gaza.

Is-Sindku ta’ Amsterdam, Femke Halsema, qalet li kien hemm każi fejn l-irġiel rekbin fuq scooters bdew iduru kull rokna tal-belt biex isibu lill-partitarji Iżraeljani li marru hemm biex jissapportjaw lit-tim ta’ Maccabi Tel Aviv fil-logħba kontra Ajax Amsterdam….Logħba mirbuħa minn tal-aħħar bl-iskor ta’ 5-0.

Sadanittant, Halsema u l-membri tal-Gvernijiet tal-Olanda u Iżrael qalu li x-xeni deplorevoli f’Amsterdam fakkruhom f’meta l-Lhud spiċċaw vittmi tal-pogroms ( kampanji ta’ persekuzzjoni )  li, snin ilu, kienu jsiru kontra tagħhom madwar l-Ewropa u f’partijiet oħra tad-dinja.

L-aħħar rapporti qalu li talanqas 70 spiċċaw arrestati dwar sehemhom fil-vjolenza waqt li mifhum li madwar għaxar Iżraeljani ndarbu fl-inċidenti viċin is-Stadium Johan Cruyff ta’ Amsterdam. Numru fost il-midruba ttieħdu l-isptar iżda ħadd minnhom ma kien f’periklu li jitlef ħajtu.

L-inkwiet bejn il-partitarji Iżraeljani u d-dimostranti favur il-Palestinjani kien ilu jbaqbaq sa minn qabel il-logħba f’Amsterdam.

Id-dimostranti kienu fil-parti kbira ta’ nisel Għarbi, bir-rapporti jgħidu li l-partitari ta’ Maccabi – fil-jum ta’ qabel il-logħba – kienu taw in-nar lil taxi filwaqt li ħarqu bandiera tal-Palestinjani fi pjazza tal-belt. Kien hemm anki rapporti dwar il-kant kontinwu ta’ slogans razzisti kontra l-Għarab minn dawn il-partitarji.

L-uffiċjali tat-tim tal-futbol ta’ Ajax, sadanittant, ukoll esprimew kundanna għall-inċidenti tal-Ħamis bil-lejl f’Amsterdam.

Madankollu, is-Sindku Halsema ma reditx tikkummenta dwar l-etniċità tal-aggressuri li bdew jiġru wara l-Iżraeljani bis-scooters u fejn sostniet li ma setgħetx tagħti dettalji ta’ dan it-tip. Dan meta l-media Olandiża qalet li l-aggressuri, fil-parti kbira, kienu Olandiżi ta’ nisel Marokkin – bis-Sindku ssostni li mhemm l-ebda skuża għall-azzjonijiet ‘kriminali’ tal-Ħamis bil-lejl f’Amsterdam.

L-aħħar kumment tas-Sindku kien li l-poplu f’Amsterdam jinsab imnikket dwar il-vjolenza li tappnet ir-reputazzjoni tal-belt f’għajnejn il-barranin.

Intant, l-awtoritajiet Olandiżi – fosthom is-Sindku —  qalu li, qabel il-logħba tal-Ewropa League ma kien hemm l-ebda theddid konkret li seta’ jindika terroriżmu Dan wara li Femke Halsema kienet ikkuntattjat lill-uffiċjali ikkonċernati, diversi jiem qabel,.

L-ogħla Kapijiet tal-Pulizija f’Amsterdam ukoll tkellmu dwr l-inċidenti xokkanti u sostnew li l-partitarji Iżraeljani kienu suġġetti għal kampanja twila ta’ intimidazzjoni li x’aktarx kellha element politiku qawwi.

Sadanittant, l-awtoritjaiet f’Amsterdam qalu li dan kien ‘lejl iswed’ għal Amsterdam, karatterizzat bit-theddid kontinwu kontra l-ħajja u l-kultura tal-Lhud.

Fl-istess ħin, daħlu wkoll ir-rapporti dwar xi partitarji Iżraeljani li ‘ma dehrux aktar’ waqt l-inċidenti tal-Ħamis u meta l-pulizija qalu li ma kellhomx informazzjoni dwar każi fejn setgħu nħatfu n-nies waqt  il-kaos – u bl-investigazzjonijiet qed ikomplu għaddejjin.