Lokali

Malta Żagħżugħa hi Malta li tħares ’il quddiem b’ambizzjoni u b’determinazzjoni – Alex Perici Calascione

Illum irrid nibda l-messaġġ tiegħi eżatt kif spiċċajt id-diskors li għamilt fl-Indipendenza li għaddiet – billi nikkwota l-aħħar parti tal-post ta’ Karl Gouder wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda – li fihom kien il-campaign manager tagħna. Karl kiteb sentenza waħda: “Keep believing”. Nibqgħu nemmnu. Sentenza waħda b’żewġ kelmiet sempliċi li però jfissru ħafna.

Hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema ‘Malta Żagħżugħa’.

Alex Perici Calascione qal li jeħtieġ li nkomplu nibnu u nfasslu l-politika tagħna fuq it-twemmin tagħna f’pajjiżna, fuq il-konvinzjoni li Malta u Għawdex tassew jixirqilhom kwalità ta’ ħajja aħjar u fuq l-għarfien ta’ kemm hi tassew kbira r-responsabbiltà li pajjiżna qiegħed jitfa’ fuq spallejna f’dan il-mument.

Hu qal li l-kwalità tal-ħajja ma tinbeniex fuq l-attakki personali u wisq inqas fuq sistema maħsuba u mfassla biex tassigura li f’kull opportunità bla ebda eċċezzjoni u bla ebda mistħija, jistagħnew biss dawk taċ-ċrieki ta’ ġewwa filwaqt li tikber dejjem aktar il-qasma li hemm bejn il-ftit li għandhom ħafna u l-ħafna li għandhom ftit.

Il-kwalità tal-ħajja titwieled mis-serjetà, mill-onestà, mill-għaqal u mill-integrità fit-tmexxija.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-messaġġ tagħna llum hu wieħed ċar, dirett u mimli tama u enerġija: “Malta Żagħżugħa”.

Malta Żagħżugħa hi dik il-Malta li nixtiequ. Nixtiequ li lil pajjiżna nibdew nagħrfuh mill-ġdid. Nixtiequ li nsaħħu mill-ġdid it-twemmin tagħna f’pajjiżna. Pajjiżna li għax nemmnu bil-qawwa fil-ħiliet tiegħu, għandna ambizzjonijiet kbar għalih. Pajjiżna li proprju b’dawn il-ħiliet u b’dawn l-ambizzjonijiet għandu l-potenzjal qawwi ta’ suċċess. Pajjiż li proprju b’riżultat ta’ dan is-suċċess li kapaċi jikseb, jerġa’ jikseb bi dritt dik ir-reputazzjoni internazzjonali impekkabbli li gawda għal tant snin.

Malta Żagħżugħa tfisser għalina viżjoni sabiħa eċitanti, u ambizzjuża għal pajjiżna. Malta Żagħżugħa għalina hi Malta li tħares ’il quddiem, b’ambizzjoni u b’determinazzjoni.

Malta Żagħżugħa hi Malta rebbieħa, temm jgħid Alex Perici Calascione.