Internazzjonali Lokali

Mara Għawdxija nqatlet f’inċident fuq freeway fl-Awstralja

Mara Għawdxija nqatlet f’inċident fuq freeway f’Melbourne, l-Awstralja. Dan ħareġ mit-Times of Malta f’artiklu li ġie ppubblikat aktar kmieni dalgħodu.

MaryAnne Cutajar ta’ 46 sena mietet meta waqgħet rampa minn fuq trakk u laqtet il-vettura tagħha. Cutajar, li marret toqgħod l-Awstralja 30 sena ilu, jidher ukoll li l-aħħar li żaret pajjiżna kien ix-xahar li għadda.

Il-midja Awstraljana qed tirrapporta li, skont il-Pulizija, trakk abjad kien qed isuq lejn il-Western Ring Road għall-ħabta tal-4pm tal-Ħamis. Ir-rampa daħlet fil-karreġġjati marbuta ma’ Greensborough u laqtet il-karozza ta’ Cutajar ħdejn Furlong Road, f’St Albans.

Mhux ċar jekk ix-xufier tat-trakk kienx jaf bl-inċident, fejn skont rapporti fil-midja Awstraljana jidher li sal-Ħamis filgħaxija, il-Pulizija kienu għadhom għaddejjin bit-tiftix għalih.