Ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards ikkonferma li fil-każ tal-mara tal-Ministru Calyton Bartolo…qatt ma sar xogħol ta’ konsulenza. Fi kliem sempliċi, tħallset għal xogħol li qatt ma għamlet – każ ċar ta’ frodi.
Il-Ministru ta’ Għawdex jinsab taħt pressjoni kbira wara li inqabad li daħħal miegħu lill-mara ta’ Clayton Bartolo, meta din qatt ma għamlet xogħol ta’ konsulenza għall-Ministeru.
Iżda quddiem dawn il-fatti, la l-Ministru Bartolo, u lanqas Clint Camilleri – illi impjegaha – ma jridu jirriżenjaw.
Il-crew ta’ dan l-istazzjon mar Għawdex biex jisma dak li kellu xi jgħid il-Ministru Camilleri. Bil-ġurnalisti jistaqsuh, fost l-oħrajn, jekk iħossx li għamel xi ħaġa ħażina bil-konsulenza li ta lil Amanda Muscat.
Mistoqsi minn Net News jekk Robert Abela kellmux jew talbux jirreżenja mill-Kabinett, bħalma kien talab lil Justine Caruana f’każ simili, Clint Cammilleri kien skomdu ferm jirrispondi. U prova jaħrab lill-cameras tagħna.
Pressat b’aktar domandi, il-Ministru t’Għawdex lanqas kien kapaċi jsemmi mqar parir wieħed li suppost tat il-mara ta’ Clayton Bartolo lil dan il-Ministeru – xogħol li għalih daħħlet fil-but mas-70,000 ewro. Bi Clint Camilleri jaħrab lejn il-karozza Ministerjali, f’nofs diversi battuti partiġġjani.
Dan l-iskandlu qed ikompli jitfa’ pressjoni qawwija fuq Robert Abela. B’nies fiċ-ċirku tiegħu jgħidulu li għandu jieħu azzjoni u mhux jibqa’ ċass quddiem il-fatti li żvela l-Kummissarju tal-Istandards.
Ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards
Ir-rapport li ħareġ ilbieraħ juri biċ-ċar kif il-mara tal-Ministru Clayton Bartolo baqgħet isservi bħala assistenta personali tiegħu meta suppost kienet impjegata mal-Ministeru ta’ Clint Camilleri. Fl-emails tagħha, m’hemm ebda ħjiel ta’ minuti jew dokumenti li ħadmet fuqhom. U x-xogħol li tħallset għalih ma għamlitux.
Dawn huma l-konklużjonijiet iebsin li joħroġu mir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards li huma kundanna ċara u bla riservi lejn il-Ministri ta’ Robert Abela, li wettqu abbuż ta’ poter. Bil-mara tal-Ministru Clayton Bartolo kienet qed iddaħħal fil-but paga ta’ kważi €70,000 fis-sena għal xogħol li qatt ma għamlet.
Ir-rapport jikxef kif Amanda Muscat ma ħadmitx mal-Ministeru għal Għawdex. Lanqas iż-żewġ Ministri ma ressqu evidenza li hi għamlet xogħol ta’ konsulent.
Il-Kummissarju jgħid ukoll li huwa inkonċepibbli li persuna daqstant viċin ta’ Ministru ma tintgħażilx minn Ministru; kif fil-fatt ipprovaw jalludu Clayton Bartolo u Clint Camilleri. Jiddikjara wkoll li l-Ministri kienu direttament involuti f’dan l-iskandlu minn flus il-poplu.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissarju tal-Istandards jgħid li f’dan il-każ iż-żewġ Ministri kisru l-etika u l-istandards fil-ħajja pubblika.
//= $special ?>