Lokali Qorti

Mixlija li serqet €10,000 minn ħanut fejn kienet taħdem

Żagħżugħa ta’ 27 sena mill-Filippini li tgħix f’Ħal Qormi nżammet arrestata wara li ġiet mixlija li flimkien mal-kollega tagħha serqet aktar minn €10,000 fi flus kontanti minn ħanut ta’ fejn kienet taħdem. Aubrey Madera wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha.

Madera, nqabdet fuq filmati tal-cameras tas-sigurtà tikkanċella tranżazzjonijiet u tieħu l-flus mill-‘cash register’. Il-Qorti semgħet mill-prosekuzzjoni kif l-imputata, flimkien mal-kollega tagħha, serqu aktar minn €10,000 fi flus kontanti.

It-tfajla li ilha sentejn tgħix Malta għamlet talba permezz tal-avukat tagħha biex tingħata l-pleġġ bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba l-biża’ li taħrab minn Malta. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Kitcher u Chantelle Mifsud waqt li għat-tfajla qed tidher l-Avukat Julia Micallef Stafrace.