Il-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, minn issa qed jaħseb bis-serjetà biex ikeċċi lill-miljuni ta’ nies li qegħdin jgħixu illegalment fl-Istati Uniti.
Trump għandu jsir uffiċjalment President tal-Istati Uniti f’Jannar li ġej u, waqt il-kampanja elettorali li rriżultatlu f’mandat ġdid ta’ tmexxija, hu kien wiegħed kampanja bla heda kontra l-immigrazzjoni illegali.
Sadanittant, numru ta’ pajjiżi – inkluża l-Kanada – diġà qed jistennew biex jilqgħu influss ta’ mijiet tal-eluf ta’ nies dikjarati bħala ‘illegal aliens’ u li anki jinkludu persuni li qegħdin ifittxu l-kenn politiku.
Donald Trump – filwaqt li qed jirċievi l-messaġġi ta’ kongratulazzjoni għar-rebħa tiegħu fuq Kamala Harris fl-elezzjoni presidenzjali – għamilha ċara li ma jqis l-ebda prezz bħala ‘għoli wisq’ għad-deportazzjoni tan-nies li qegħdin jgħixu f’pajjiżu kontra l-liġi.
Is-suċċess elettorali għal Trump hu wieħed storiku minn kull aspett u fejn qed jispikkaw ir-riżultati tajbin ħafna li hu kiseb skont il-vot popolari.
Fil-fatt il-Partit Repubblikan ta’ Trump jonqsu seba’ siġġijiet biss għal maġġoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Washington.
Jekk ir-Repubblikani – bħalma hu mistenni – jirbħu dawn is-siġġijiet, huma jkunu wettqu ‘clean sweep’ ta’ suċċessi wara r-rebħiet tagħhom fuq id-Demokratiċi fl-elezzjonijiet għall-Presidenza u s-Senat…Sitwazzjoni li tippermetti biex Donald Trump jikseb kontroll kważi assolut fuq kull entità govermentali u li hi rari ħafna fl-Istati Uniti.
//= $special ?>