Rapporti internazzjonali qed jgħidu li tliet persuni jinsabu akkużati b’rabta mal-mewt tal-kantant ta’ fama internazzjonali Liam Payne.
Liam Payne tilef ħajtu fis-16 ta’ Ottubru li għadda wara li waqa’ madwar tliet sulari minn gallarija ta’ lukanda li tinsab f’Buenos Aires, l-Arġentina. Huwa miet fl-età ta’ 31 sena.
Il-prosekutur lokali ordnat l-arrest ta’ dawn it-tliet individwi b’wieħed minnhom jinsab akkużat bl-abbandun ta’ persuna li sussegwentament mietet. Skont l-awtoritajiet, dan l-akkużat kien qed jakkumpanja lil Payne fil-jiem li qatta’ fil-belt kapitali.
Apparti din il-persuna, hemm żewġ akkużati oħra b’wieħed minnhom huwa impjegat fil-lukanda fejn tilef ħajtu Liam Payne u dawn jinsabu akkużati li pprovdew id-droga. Intqal ukoll li fil-ħin tal-waqa’, Payne ma ppruvax jipproteġi lilu nnifsu u għalhekk dan jindika li dak il-ħin Liam Payne ma kienx konxju dwar dak li kien qiegħed jiġri.
Infatti, testijiet li sarulu kkonfermaw li mumenti qabel il-mewt tiegħu, huwa kellu traċċi ta’ alkoħol, kokaina kif ukoll pilloli li kien qed jieħu għad-dipressjoni.
Intant, l-investigazzjoni b’rabta mal-mewt ta’ Liam Payne għadha għaddejja hekk kif baqa’ numru ta’ affarijiet li jridu jiġu analizzati.
//= $special ?>