Il-Qorti ma laqgħetx talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ żagħżugħ ta’ 17-il sena li ġie mixli li kisser karozza f’San Ġiljan. Il-Maġistrat Joseph Gatt sema’ kif nhar l-Erbgħa, xi persuni rrappurtaw li xi żgħażagħ allegatament kienu qed ikissru karozza fi triq f’San Ġiljan.
Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu l-karozza vvandalizzata allegatament minn erba’ żgħażagħ, fosthom tfajla, li dehru wkoll jaqbżu fuqha. Il-Pulizija tkellmu ma’ xi persuni li raw dawn l-atti jseħħu u li identifikaw lill-akkużat u anke għaddew filmat ta’ dak li ġara.
Irriżulta li l-Pulizija ma setgħux isibu liż-żagħżugħ li nstab ukoll li kien fuq il-lista ta’ persuni nieqsa f’Malta wara li telaq mill-Isptar Monte Carmeli jumejn wara huwa kien arrestat wara li ta ruħu b’idejh lill-Pulizija fl-Għassa ta’ Bormla.
L-avukati difensuri Mario Mifsud u Nicholas Mifsud ikkontestaw il-validità tal-arrest minħabba li l-minorenni qiegħed taħt ‘care order’ u għax qalu li waqt l-arrest tiegħu ma kienx akkumpanjat minn rappreżentant tad-Direttorat tal-Ħarsien tat-Tfal.
Huma qalu li l-liġi titkellem ċar li jekk minorenni jigi mitkellem mill-Pulizija jew jispiċċa arrestat, jeħtieg ikun assistit dejjem minn adult. Il-prosekuzzjoni ma qablitx u qalet li hija informat lill-istess Direttorat tal-Ħarsien tat-Tfal b’rappreżentant ukoll preżenti fil-lock-up tal-Pulizija.
Il-Maġistrat Gatt qagħad fuq il-prosekuzzjoni u kkonvalida l-arrest u ċaħad ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Dan wara li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba l-biża’ ta’ tbagħbis ta’ provi anke jekk id-difiża qalet li l-Istat naqas liż-żagħżugħ għax għandu r-responsabbiltà li tfal taħt ‘care order’ ikollhom post sigur u jingħataw l-attenzjoni u l-kura assoluta.
Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li ż-żagħżugħ se joqgħod għall-kundizzjonjiet imposti fuqu. Fl-istess waqt irrakomanda lid-Direttur tal-Ħabs li ż-żagħżugħ jingħata t-trattament meħtieg fid-dawl taċ-ċirkostanzi li wassluh biex jispiċċa arrestat.
Il-każ se jkompli jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Minorenni.
//= $special ?>