Kmieni llum waranofsinhar, l-eks plejer internazzjonali Malti Andrew Cohen ħabbar b’mod uffiċjali li b’seħħ immedjat m’għadux kowċ ta’ Gżira United Football Club.
Cohen kien ilu mal-maroons minn Jannar tal-2017, l-ewwel bħala plejer, fl-aħħar żmien tiegħu qabel ma irtira mil-logħba bħala wieħed mill-aqwa plejers li qatt kellu pajjiżna f’dawn l-aħħar 25 sena, u wara beda l-karriera fil-coaching bħala assistant kowċ ta’ Gżira United.
Eventwalment, Cohen sar il-kowċ ta’ Gżira United wara li Darren Abdilla kien spiċċa minn kowċ tal-maroons, f’Jannar ta’ din is-sena. Hu kien laħaq it-tragward li jwassal lil Gżira United sabiex isalvaw posthom mal-kbar tal-futbol Malti u l-President tal-klabb, Sharlon Pace kien offrilu kuntratt biex jibqa’ kowċ tat-tim.
Cohen, li għandu 43 sena, mexxa lil Gżira United bħala kowċ, fi kwalunkwé kompetizzjoni, għal 27 partita. Taħt il-gwida ta’ Cohen, Gżira United kisbu 11-il rebħa, sitt draws u għaxar telfiet.
Fl-ewwel parti tal-Opening Round tal-Malta Premier, Gżira United spiċċaw fis-sitt post bl-istess ammont ta’ punti daqs Hamrun Spartans Football Club, iżda kienu ċ-champions tal-istaġun li għadda li għamlha għal mal-ewwel sitta wara li rebħu l-konfront dirett mal-Gżirjani u kellhom differenza ta’ gowls aħjar mill-iskwadra li mexxa Cohen.
B’Cohen mhux aktar kowċ ta’ Gżira United, skont il-paġna soċjali ta’ Replay, it-tmexxija amministrattiva tal-klabb qed tħares lejn kowċ suċċessur li x’aktarx ikun barrani, bil-favoriti huma l-eks kowċ tal-istess klabb, Giovanni Tedesco u l-eks kowċ ta’ Floriana FC, Gianluca Atzori.
//= $special ?>