Il-Ministru tat-Traffiku, Chris Bonett, kien qal lill-midja biex jingħata ċans jidħol fl-uffiċċju tiegħu sabiex naraw ir-riżultati li ħafna ilhom jistennew. Iżda issa għaddew ix-xhur mindu beda f’dan ir-rwol il-ġdid u ftit li xejn rajna tibdil.
Bil-Budget jindika b’mod ċar li l-Gvern m’għandu ebda soluzzjoni tanġibbli għat-traffiku; tant li l-ebda proposta ma ddaħlet f’dan id-dokument.
Issa, il-kritika għan-nuqqas ta’ azzjonijiet kompliet tikber – inkluż mill-attivisti stess tal-Labour.
Fl-aħħar jiem, il-kunsilliera Laburista tal-Fgura Josianne Scicluna indirizzat lill-Ministru Bonett permezz ta’ post fuq Facebook – fejn appellat sabiex it-trasport pubbliku jibda jagħti l-aqwa servizz possibbli. Xi ħaġa li żgur mhix qed issir hekk kif dawk li jipprovaw jaqbdu tal-linja mill-Fgura, fuq l-istage jkunu u fuq l-istage jibqgħu minħabba li l-karozzi tal-linja jgħaddu mimlija.
Hi kompliet tgħid li dan, il-Ministru ilu jafu sew b’din is-sitwazzjoni hekk kif saħansitra saru laqgħat miegħu u ma’ Transport Malta ħalli din il-problema tiġi solvuta. Iżda s’issa l-ebda azzjoni ma ttieħdet… minkejja li nagħtaw għadd ta’ soluzzjonijiet u proposti.
Sitwazzjoni li qed narawha f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex hekk kif il-Gvern għażel li jmur għal mudell ekonomiku tal-kwantità bla ma ħaseb fit-tul għal problemi li jistgħu jinqalgħu kaġun ta’ dan il-mudell.
Wara li fid-diskors tal-Budget tas-sena li għaddiet il-Ministru Clyde Caruana kien qalilna li għamel konsultazzjoni biex jaslu għal miżuri li jnaqqsu t-traffiku fir-rush hour, u li kellhom jiffinalizzaw pjan, sena wara din il-konsultazzjoni u dan il-pjan bħal donnu għeb għal kollox. Dan bħalma sparixxa wkoll il-proġett tal-metro, li sewa lil pajjiżna tal-inqas €400,000.
U sadanittant, il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jbati minn din il-kriżi.
//= $special ?>