Lokali

“Fondi Ewropej għal servizz aħjar ta’ trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex” – PN

Rapport tal-Parlament Ewropew ikkummissjonat mill-MEP Peter Agius jgħid li hemm diversi opportunitajiet ta’ fondi Ewropej biex jitjieb is-servizz bil-baħar bejn iż-żewġ gżejjer

“Qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew wegħedna li Għawdex se jkun prijorità għalina fi Brussell, u hekk qed nagħmlu bil-fatti. Fl-ewwel xahar tiegħi bħala MEP tlabt rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-konnettivita’ ta’ Għawdex u l-fondi Ewropej disponibbli għal dan u llum nista’ naqsam magħkom dan ir-rapport li juri biċ-ċar li l-Ewropa trid tkun mal-Għawdxin biex dawn ikollhom vapuri moderni u effiċjenti fejn jonqos l-iskariġġ u t-telf ta’ ħin għall-Għawdxin u għal min iżurhom.”

Dan qalu l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius waqt li ppreżenta r-rapport dettaljat lix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg; lix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo; u lix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut.

Alex Borg laqa’ r-rapport tal-Parlament Ewropew u qal li l-konnettività ta’ Għawdex se tkun prijorità ewlenija ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista. “Aħna nsejsu l-politika tagħna fuq in-nies u l-bżonnijiet tagħhom. Għalhekk fl-aħħar elezzjoni ġenerali diġà konna għamilnieha ċara li Gvern Ġdid Nazzjonalista se jinvesti f’Għawdex bil-kbir, billi jkollna vapuri ġodda u nkabbru wkoll il-port tal-Imġarr li issa sar żgħir wisq għall-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin. Aħna se naħdmu flimkien fil-livelli kollha, mil-lokal sal-Parlament nazzjonali u sal-Parlament Ewropew biex inwettqu din l-ambizzjoni tal-Għawdxin li trid tibda minn servizz affidabbli ta’ konnettività ma’ Malta”.

Ivan Castillo qal li l-qasam marittimu joffri opportunitajiet kbar għall-Gżejjer Maltin u li l-Partit Nazzjonalista qed jeżamina fid-dettall l-għażliet kollha biex jagħti spinta ġdida lil dan is-settur anke bl-għajnuna tal-għodda li toffri l-Unjoni Ewropea.

Mark Anthony Sammut qal li għall-Partit Nazzjonalista l-qasam tat-trasport jirrappreżenta l-ekonomija fejn irridu nagħmlu l-vera qabża ta’ kwalità minn deċiżjonijiet li jraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar għal viżjoni strateġika olistika msejsa fuq is-servizz lejn il-komunità fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet għal trasport modern f’pajjiżna.

Fir-rapport imħejji bl-għajnuna tas-Servizzi ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew jiġi eleborat kif Għawdex jista’ jibbenefika min fondi speċifiċi għall-konnettività bejn il-gżejjer li jinkludu proġetti ta’ riċerka u żvilupp mill-programm Horizon, investimenti diretti permezz ta’ fondi miġbura mit-taxxa Ewropea fuq il-vapuri (ETS) kif ukoll finanzjament mill-Bank tal-Investiment Ewropew.

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew jindika li hemm diversi mezzi kif is-servizz bil-baħar bejn il-gżejjer jista’ jiġi sostnut b’investiment Ewropew kemm għal vapuri ġodda li jaħdmu b’enerġija li tiġġedded kif ukoll għall-immodernizzar ta’ vapuri eżistenti li jiġu konvertiti għal enerġija li tiġġedded.

Ir-rapport ikkummissjonat mill-MEP Peter Agius se jkun ippreżentat fid-dettall flimkien ma’ esperti internazzjonali f’konferenza nazzjonali f’Għawdex iddedikata għall-konnettività ta’ Għawdex, li se tkun miftuħa għal kulħadd.