Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lil Abela biex ma jibqax jagħlaq għajnejh quddiem ksur tal-kodiċi ministerjali

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata u sinifikanti biex isaħħaħ l-istandards etiċi li jirregolaw il-kodiċi ministerjali. Dan wara li kien konfermat li l-mara tal-Ministru Clayton Bartolo ngħatat xogħol mal-Ministru Clint Camilleri bla ma wettqet ebda xogħol imsemmi fir-rwol tagħha filwaqt li kienet tieħu kważi €70,000 fis-sena f’paga.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-uffiċjali pubbliċi kollha biex jittrattaw tali ksur bis-serjetà li jistħoqqilhom, biex jerġgħu jistabbilixxu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u jipprovdu s-serħan il-moħħ li l-Gvern verament jimpurtah mit-trasparenza, il-meritokrazija u l-governanza etika.

Saħqu kif kull Ministeru u entità pubblika għandha tassigura li l-ħatriet u l-kuntratti pubbliċi jingħataw abbażi tal-mertu, kwalifiki u impenn ġenwin għas-servizz pubbliku, mhux konnessjonijiet personali. Dan sabiex jippreserva l-kredibbiltà u l-integrità tal-istituzzjonijiet pubbliċi u jkun żgurat użu diliġenti ta’ flus il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kamra qalet li l-Prim Ministru m’għandux jibqa’ jagħlaq għajnejh b’kull sitwazzjoni ta’ ksur ta’ etika ministerjali qisu xejn mhu xejn.