Dalgħodu, ebda kelliem mill-Partit Laburista m’aċċetta l-istedina ta’ Andrew Azzopardi sabiex jiddiskutu l-iskandlu l-ġdid li qed jaħkem lill-Gvern ta’ Robert Abela; l-iskandlu ta’ serq minn flus il-poplu permezz ta’ job ta’ konsulenza li qatt ma sar – job b’paga li titla’ mas-€70,000.
Il-Professur Azzopardi stieden fuq l-RTK lill-Ministru Clayton Bartolo, li sal-bieraħ kien ikkonferma li se jidħol fil-programm. Iżda imbagħad, l-istess Ministru qallu li ma kienx se jlaħħaq. Dan filwaqt li baqa’ jirrifjuta li jwieġeb id-domandi.
Andrew Azzopardi għamel kuntatt mal-kelliema tal-Partit Laburista, Norma Saliba, li qatt ma weġbitu lura.
Anke l-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras m’aċċetta li jikkummenta fuq dan l-iskandlu.
Fil-programm ta’ Andrew Azzopardi, iżda, iddaħlet b’kollegament telefoniku l-kandidata tal-Partit Laburista għall-MEPs Marija Sara Vella Gafà, li kellha tkun preżenti fl-istudio – iżda anke hi ħassret fl-aħħar minuta. Fil-kollegament, Vella Gafà qalet li saret apoloġija mill-Ministru Clayton Bartolo. Bl-Eks Sindku tal-Gudja fl-ebda ħin ma tikkundanna dak li seħħ – iżda qalet biss li “għandna nitgħallmu”.
Ir-Rapport iebes mill-Kummissarju tal-Istandards fih xejn anqas minn 143 paġna – kollha evidenza. Fost l-oħrajn, ir-rapport jikkonferma li l-mara ta’ Clayton Bartolo m’għamlet ebda konsulenza mal-Ministeru ta’ Clint Camilleri.
//= $special ?>