Internazzjonali Lokali

Indjani li ġew Malta biex jaħdmu sfurzati lura: Il-Pulizija Indjana tarresta żewġ persuni

Numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ Indjani ġew Malta biex jaħdmu spiċċaw ntbagħtu lura pajjiżhom minħabba li ma kellhomx visas regolari. Sadattant, il-Pulizija Indjana arrestat mill-inqas żewġ persuni ta’ kumpaniji stabbiliti fl-Indja b’rabta ma’ rackets ta’ visas fejn numru ta’ Indjani qegħdin jintbagħtu l-Ewropa bil-promessa ta’ impjiegi u salarji tajbin.

Ħafna ġurnali fl-Indja qed jagħtu prominenza kbira lil dan il-każ. Mhux magħruf jekk il-Pulizija Maltija hijiex konxja minn dan il-fatt u jekk kien hemm persuni f’Malta li għandhom rabta ma’ dan l-isfruttament ta’ persuni li ġew frodati.

Id-Dipartiment tal-Investigazzjoni tal-Kriminalità (CID) tal-Pulizija ta’ Telangana, fl-Indja, arrestaw żewġ persuni b’rabta ma’ allegat racket ta’ visas tax-xogħol. Il-persuni, G Sunil Kumar, ta’ 28 sena li huwa Direttur tal-Pjan ta’ Studju għal Barra mill-pajjiż; u Chikati Navyari ta’ 25 sensar, li flimkien mal-assoċjati tagħhom waqqfu kumpanija bl-iskuża li jsibu impjieg f’pajjiżi barranin, fosthom f’Malta għal eluf ta’ Indjani.

Wara kampanja pubbliċitarja li għamlu, 100 żagħżugħ bla xogħol ħallsu flus kbar kull wieħed u ntbagħtu Malta u pajjiżi oħra bil-wegħda li jkollhom impiegi li jħallsu tajjeb. Il-vittni allegaw li kienu ġew imwiegħda xogħol lussuż f’Malta wara li jkunu ħallsu miżata ta’ madwar €6,000 kull wieħed u xi wħud anke iktar.

Madankollu, meta d-ditta ssottomettiet id-dokumenti għax-xogħol f’Malta, irriżulta li dawn kienu foloz. Dawn iż-żgħażagħ mhux biss spiċċaw bla xogħol f’Malta iżda spiċċaw tilfu ġidhom, dak kollu li kienu faddlu tul ħajjithom biex jilħqu l-għan tagħhom u jkollhom futur f’pajjiż ieħor.

L-investigazzjoni tal-Pulizija Indjana kixfet racket enormi li ħalliet warajha madwar 100 vittma. “Wara li waslu Malta, iż-żgħażagħ ma ngħataw l-ebda impjieg u ġew sfurzati jirritornaw l-Indja. Spiċċaw sofrew telf finanzjarju u meta waslu lura pajjiżhom avviċinaw lill-Pulizija,” qalet Shikha Goel, mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tal-Kriminalità fl-Indja.

Il-Pulizija ttrasferiet il-każ lid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tal-Kriminalità (CID) minħabba li dawn huma każijiet relatati ma’ frodi. It-timijiet tas-CID fl-Indja nhar l-Erbgħa qabdu lil Sunil u Navyari, u qed ifittxu persuni oħra involuti li fil-każ.