Lokali

L-apoloġija tal-Ministru Bartolo hija “suffiċjenti”

Wara li Amanda Muscat, ingħatat impjieg ta’ konsulenza mal-Ministeru ta’ Għawdex, liema impjieg Muscat qatt ma għamlet,  żewġha stess, il-Ministru Clayton Bartolo ħass li apoloġija hija biżżejjed.

U għall-Prim Ministru Robert Abela u għas-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea, din l-apoloġija hija suffiċjenti.

Mir-rapport tal-Kummissarju ħareġ ukoll li Amanda Muscat ma kellhiex il-kwalifiċi neċessarja biex tagħmel l-impjieg li kienet tagħmel ta’ konsulenta mal-Ministeru tat-Turiżmu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, mistoqsi jekk apoloġija hux biżżejjed, is-Segretarju Parlamentari Agius Galea qal li m’għandux iżjed xi jżid ma’ li qal Robert Abela.

Intant, lis-Segretarju Parlamentari Agius Saliba staqsejnieh jekk hu kienx jagħmel l-istess bħalma għamlu l-Ministru Clayton Bartolo u l-Ministru Clint Cammileri u jimpjega l-mara tiegħu ma’ ministeru ieħor, is-Segretarju Parlamentari donnu tfixkel u qalilna biex naraw aħna.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Clayton Bartolo donnu li mhux komdu li jaffaċċja lill-ġurnalisti, hekk kif fl-aħħar jiem ħassar żewg attivitajiet li kienu miftuħin għall-midja.